Tnieda proġett pilota bl-isem ‘Fish Fridays’ f’erba’ skejjel primarji madwar Malta, bil-għan li jinkoraġġixxi aktar konsum tal-ħut b’mod sostenibbli u jgħallem lit-tfal dwar l-importanza tiegħu f’dieta bilanċjata.
F’dawn l-iskejjel saru attivitajiet edukattivi mmexxija minn nutrizzjonisti, fejn it-tfal – mill-Year 1 sal-Year 6 – tgħallmu dwar il-benefiċċji tal-ħut u kif jgħinhom iżommu stil ta’ ħajja b’saħħtu. It-tfal tqassmu fi gruppi skont l-età biex ikunu jistgħu jipparteċipaw aħjar, u wara kellhom ukoll l-opportunità jduqu ikel ibbażat fuq il-ħut.
L-attivitajiet qed isiru b’mod organizzat u sigur, b’sistema ta’ rotazzjoni biex jilħqu lill-istudenti kollha. Din il-fażi pilota se tgħin biex jiġi evalwat kif il-proġett jista’ jitwessa’ għal skejjel oħra fil-futur.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said qalet li kienet sodisfatta tara l-entużjażmu tat-tfal waqt iż-żjara fl-Iskola Primarja ta’ Marsaxlokk, u sostniet li din l-inizjattiva għandha tkompli tixtered biex aktar tfal jitgħallmu jinkludu l-ħut fid-dieta tagħhom.
Min-naħa tiegħu, Justin John Camilleri mill-Malta Food Agency spjega li l-proġett beda b’suċċess u ntlaqa’ tajjeb ħafna mit-tfal, li wrew interess kemm fit-tagħlim kif ukoll fit-tidwiq tal-ikel. Huwa rringrazzja lill-iskejjel, lill-għalliema u lill-ġenituri tal-kollaborazzjoni tagħhom.
Il-Kap tal-Iskola f’Marsaxlokk saħqet li dawn l-esperjenzi jgħinu lit-tfal jiskopru ikel ġdid u jifhmu aħjar x’inhi dieta sana, filwaqt li esprimiet it-tama li dan l-għarfien jasal ukoll fid-djar tagħhom.
Il-proġett qed jitwettaq b’kollaborazzjoni bejn diversi entitajiet, fosthom is-Segretarjat Parlamentari, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Malta Food Agency. Din l-inizjattiva tifforma parti mill-isforzi tal-Gvern biex jippromwovi stil ta’ ħajja aktar b’saħħtu fost it-tfal u jsaħħaħ l-importanza tal-ħut fid-dieta Maltija.











