Reġgħet bdiet il-kampanja ‘Islands Cleanup’, organizzata mill-Ministeru għall-Ambjent u l-Enerġija flimkien ma’ Saving Our Blue, Project Green u d-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni.
Wara s-suċċess tas-snin li għaddew, din l-inizjattiva tkompli tħeġġeġ lill-għaqdiet, NGOs, żgħażagħ u komunitajiet sabiex jieħdu sehem f’attivitajiet li jqajmu kuxjenza dwar kemm hu importanti li nipproteġu l-ambjent marittimu ta’ Malta.
Il-ftuħ tal-kampanja ta’ din is-sena sar fil-Bajja s-Sabiħa, Birżebbuġa, fejn diversi voluntiera nġabru biex inaddfu kemm il-bajja kif ukoll il-baħar. Matul din l-ewwel attività nġabru madwar 50 kilo skart, li ġie sseparat u trattat kif suppost.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li huwa inkoraġġanti tara aktar nies u organizzazzjonijiet jinvolvu ruħhom kull sena, filwaqt li appellat lill-pubbliku biex jieħu aktar responsabbiltà u jarmi l-iskart b’mod xieraq.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Glenn Bedingfield saħaq li ż-żamma tal-indafa tal-pajjiż mhijiex biss responsabbiltà tal-gvern jew tal-għaqdiet, iżda ta’ kulħadd bħala sforz nazzjonali.
Il-kampanja hija miftuħa għal kulħadd, inklużi kumpaniji, skejjel u organizzazzjonijiet li jixtiequ jagħtu sehemhom u fl-istess ħin jikkontribwixxu lejn ir-responsabbiltà soċjali tagħhom. Dawk li jipparteċipaw jingħataw l-għodda kollha meħtieġa, u wara kull attività l-iskart jinġabar, jintiżen u jiġi sseparat skont ir-regolamenti. Il-parteċipanti jingħataw ukoll ċertifikat ta’ parteċipazzjoni.
Aktar dettalji u reġistrazzjoni jistgħu jinstabu online: https://savingourblue.gov.mt/island-cleanup/














