Il-Ġimgħa filgħaxija, ġewwa Villa Bighi fil-Kalkara, saret attività speċjali organizzata mis-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali flimkien mad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, biex tiġi rikonoxxuta l-ħidma tal-kunsilli lokali fil-komunitajiet.
L-attività kienet maqsuma fi tliet partijiet li ffukaw fuq il-passat, il-preżent u l-futur tal-gvern lokali. Fil-bidu, preżentazzjoni awdjoviżiva uriet kif beda u żviluppa l-gvern lokali f’Malta. Wara, esebizzjoni enfasizzat ix-xogħol li sar f’dawn l-aħħar snin permezz ta’ diversi proġetti u servizzi fil-lokalitajiet.
L-aħħar parti kienet iddedikata għall-futur, fejn żewġ tfal, Mariah Vella u Ilyas Ige Sultana, qasmu l-ħsibijiet tagħhom dwar x’jixtiequ jaraw fil-komunitajiet. Huma saħqu li l-ħidma tal-kunsilli lokali għandha twassal mhux biss għal pajjiż aħjar, iżda wkoll għal dinja aħjar. It-tnejn jagħmlu parti mill-programm RIGHTS tal-Malta Foundation for the Wellbeing of Society.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li l-kunsilli lokali huma essenzjali fil-ħajja ta’ kuljum u li matul is-snin komplew jissaħħu. Hija enfasizzat li fl-aħħar erba’ snin saru 31 skema b’investiment ta’ aktar minn €21 miljun, li wasslu għal ħafna proġetti li tejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
Hija żiedet li investiment fid-diġitalizzazzjoni, fl-edukazzjoni u fil-governanza tajba qed jgħin lill-kunsilli jkomplu jersqu eqreb lejn iċ-ċittadini u jibnu komunitajiet aktar inklussivi u sostenibbli. Semmiet ukoll kemm hi importanti l-kollaborazzjoni u l-involviment taż-żgħażagħ biex jinbena futur aħjar, b’viżjoni li tħares lejn Malta 2050.
Fl-aħħar, ir-rappreżentanti tal-kunsilli tat-tfal tkellmu dwar il-futur li jixtiequ jaraw, wieħed mibni fuq il-paċi, is-sostenibbiltà u l-inklussività, fejn kulħadd ikollu opportunitajiet aħjar u kwalità ta’ ħajja tajba.














