l-Kunsill Malti għall-Arti nieda inizjattiva ġdida biex jgħin lill-artisti Maltin jidħlu aktar fis-suq internazzjonali. Għall-ewwel darba, se tkun qed tinħoloq opportunità biex Malta jkollha showcase tagħha fil-Edinburgh Fringe Festival — wieħed mill-akbar festivals tal-arti fid-dinja.
Permezz ta’ dan il-programm, diretturi, produtturi u artisti tal-arti performattiva se jingħataw taħriġ speċjalizzat biex ikunu aktar preparati għat-touring barra minn Malta. L-inizjattiva mhix waħda ta’ darba biss, iżda programm strutturat li jdum 18-il xahar u jiffoka fuq żvilupp professjonali kontinwu.
L-interess kien qawwi ħafna, b’30 applikazzjoni minn proġetti differenti. Minn dawn, 20 applikant ġew magħżula biex jimxu għall-istadju li jmiss tal-programm.
Il-Ministru Owen Bonnici saħaq li din l-inizjattiva turi kif il-viżjoni tal-gvern għall-kultura qed titwettaq fil-prattika. Huwa spjega li l-għan hu li jinħolqu aktar opportunitajiet internazzjonali għall-artisti Maltin, filwaqt li semma wkoll inizjattivi oħra bħal Gwangju Biennale, La Biennale di Venezia u London Design Biennale, kif ukoll opportunitajiet ġodda fil-qasam tal-films permezz ta’ Eurimages.
Iċ-Chairman Eżekuttiv Luke Dalli spjega li dan il-programm hu investiment fit-tkabbir tal-artisti, fejn ideat b’potenzjal jistgħu jiżviluppaw f’produzzjonijiet li jaslu barra minn Malta. Il-qofol se jkun il-Malta Showcase fl-Edinburgh Fringe tal-2027.
Min-naħa tagħha, Annabelle Stivala qalet li l-programm hu mibni fuq il-ħtiġijiet reali tas-settur u jinkludi workshops, mentoring, networking u skambju ta’ esperjenzi. Dan għandu jgħin lill-parteċipanti jsaħħu l-proġetti tagħhom u jibnu kunfidenza biex jespandu fuq livell internazzjonali.
Il-parteċipanti magħżula se jieħdu sehem f’taħriġ intensiv immexxi minn professjonisti, u aktar ’il quddiem se jkun hemm sessjoni ta’ pitching biex jintgħażlu l-proġetti li jirrappreżentaw lil Malta fl-edizzjoni tal-2027 tal-festival. Anke dawk li ma jintgħażlux se jkollhom opportunità ta’ internship fil-festival.
Għal aktar dettalji dwar din l-inizjattiva, wieħed jista’ jżur is-sit uffiċjali tal-Kunsill Malti għall-Arti: https://www.artscouncilmalta.gov.mt













