Il-Ministeru għall-Politika Soċjali flimkien mal-Ministeru għall-Edukazzjoni qed jaħdmu fuq il-Children’s Policy Framework 2024–2030, b’enfasi ċara fuq tisħiħ tal-appoġġ għas-saħħa mentali tat-tfal u ż-żgħażagħ. Dan il-qafas għandu l-għan li jsaħħaħ l-investiment f’dan il-qasam u jiżgura li t-tfal jingħataw vuċi fil-proċessi li jolqtuhom.
L-inizjattiva tpoġġi lill-istess tfal fiċ-ċentru, billi tfittex li tifhem aħjar ir-realtajiet tagħhom u tirrispondi b’mod effettiv għall-isfidi li jiltaqgħu magħhom. F’dan il-kuntest, għaddej studju nazzjonali biex jidentifika u janalizza l-problemi ta’ saħħa mentali fost it-tfal, sabiex jitfasslu soluzzjonijiet aktar adattati għall-bżonnijiet tagħhom.
Bħala parti minn dan l-isforz, ġie introdott il-QT Robot fl-iskola primarja ta’ San Ġwann, bħala proġett pilota li mistenni jinfirex f’aktar skejjel madwar Malta. Dan ir-robot se jintuża bħala mezz interattiv biex iqajjem kuxjenza dwar is-saħħa mentali u jħeġġeġ diskussjoni fost it-tfal.
Waqt żjara fl-iskola, il-Ministri Michael Falzon u Clifton Grima tkellmu mat-tfal dwar l-importanza tal-benesseri mentali, l-empatija u l-appoġġ reċiproku. Ġie enfasizzat li t-teknoloġija, bħall-QT Robot, hija għodda ta’ għajnuna iżda ma tissostitwixxix il-kuntatt uman jew il-professjonisti fil-qasam.
Il-Ministru Falzon spjega wkoll li ġiet imnedija verżjoni inizjali tal-mental health toolkit, li se sservi bħala bażi għal diskussjoni u konsultazzjoni mal-professjonisti u mat-tfal infushom, bil-għan li tinħoloq verżjoni finali aktar komprensiva.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Grima saħaq li s-saħħa mentali hija fundamentali għall-iżvilupp tat-tfal, u li hemm bżonn li l-iskejjel jibqgħu ambjenti li jippromwovu l-benesseri, ir-reżiljenza u l-fehim bejn it-tfal. Dan il-proġett, sostna, huwa pass ieħor lejn sistema edukattiva aktar sensittiva u inklussiva.












