Se jibda fil-ġimgħat li ġejjin proġett ta’ restawr fuq il-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Safi, iddedikata għall-Konverżjoni ta’ San Pawl, wara li nkiseb finanzjament apposta għal dan l-għan. Din il-knisja, li ġiet ikkonsagrata fl-1784, hija parti importanti mill-wirt storiku u reliġjuż tal-lokalità.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici spjega li dan l-intervent huwa pass sinifikanti biex jitħares il-valur arkitettoniku tal-binja, b’ħidma li tirrispetta l-karatteristiċi oriġinali tagħha. Huwa sostna li l-proġett għandu jgħin biex il-knisja tinżamm f’kundizzjoni tajba u tgħaddi lil ġenerazzjonijiet futuri b’mod xieraq.
Min-naħa tiegħu, l-Arċipriet Fr Ivan Scicluna esprima sodisfazzjon għal dan l-investiment u rringrazzja lill-awtoritajiet għall-impenn tagħhom fil-konservazzjoni ta’ dan il-wirt importanti.
Ix-xogħol se jiffoka b’mod partikolari fuq il-koppla u t-tanbur tagħha, li huma fost l-aktar partijiet esposti għall-elementi naturali. Għalkemm jinsabu f’kundizzjoni ġenerali tajba, ġew innutati sinjali ta’ deterjorament bħal ġonot tal-ġebel miftuħa, speċjalment fil-partijiet għoljin tal-faċċata u fil-kampnar, li qed jippermettu l-umdità tidħol fil-binja.
L-istudji indikaw ukoll il-preżenza ta’ depożiti bijoloġiċi bħall-algae u lichens, kif ukoll formazzjonijiet ta’ “black crusts” f’żoni protetti. Għalhekk, l-intervent se jinkludi tindif speċjalizzat, it-tneħħija ta’ elementi mhux mixtieqa, u trattamenti apposta biex jitneħħew dawn id-depożiti.
Se jsiru wkoll tiswijiet fil-ġebel fejn hemm bżonn, bl-użu ta’ tekniki moderni u materjali kompatibbli, kif ukoll xogħol ta’ repointing biex il-ġonot jingħalqu sew u jitnaqqas ir-riskju ta’ infiltrazzjoni tal-ilma.
Għal din iż-żjara kien preżenti wkoll is-Sindku ta’ Ħal Safi Johan Mula.
Ritratti: MCLG











