Studenti minn madwar Malta u Għawdex ħadu sehem fil-kompetizzjoni CanSat li saret fil-Park Nazzjonali tal-Majjistral, fejn tellgħu satelliti żgħar li huma stess iddisinjaw u bnew wara xhur ta’ ħidma intensiva.
Għall-attività attenda s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, li enfasizza kemm hu importanti t-tagħlim permezz tal-esperjenza diretta. Huwa spjega li inizjattivi bħal dawn jagħtu lill-istudenti ċ-ċans japplikaw il-ħiliet tagħhom fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika f’sitwazzjonijiet reali, filwaqt li jiżviluppaw il-kreattività, il-ħsieb kritiku u l-ħidma f’tim.
Il-kompetizzjoni, ikkoordinata minn Esplora fi ħdan Xjenza Malta, sfidat lill-parteċipanti biex joħolqu satellita żgħira daqs bott tal-luminata. Dawn is-satelliti ttellgħu permezz ta’ drone u kellhom iwettqu missjonijiet speċifiċi waqt it-titjira. Fost it-timijiet li ħadu sehem kien hemm CANAIR (MCAST), Sacred Stars (Sacred Heart), Material Girls u Unofficial NASA (San Anton), kif ukoll ASTRO_POLARIS_26 mill-Iskola Sekondarja Ninu Cremona f’Għawdex.
Is-Segretarju Parlamentari rrimarka li din l-inizjattiva tifforma parti mill-impenn tal-Gvern biex jinvesti fiż-żgħażagħ u jsaħħaħ ir-rabta bejn l-edukazzjoni u r-riċerka, filwaqt li jħeġġeġ aktar studenti jsegwu karrieri fl-oqsma STEM u fis-settur spazjali.
It-tim rebbieħ se jingħata opportunità prestiġjuża biex jirrappreżenta lil Malta f’avveniment internazzjonali tal-Aġenzija Spazjali Ewropea fl-Olanda f’Ġunju li ġej, fejn se jaħdem ma’ studenti oħra minn madwar l-Ewropa.
Permezz ta’ inizjattivi bħal CanSat, Xjenza Malta u Esplora qed ikomplu jħeġġu lill-ġenerazzjoni żagħżugħa tħares lejn futur fl-innovazzjoni u fix-xjenza prattika.










