Ġie ppreżentat il-pjan għal Wellbeing Centre ġdid tal-Fondazzjoni Richmond li se jinbena fuq art fil-Mosta mogħtija mill-Gvern, b’investiment sostanzjali li jinkludi €5.3 miljun minn fondi Ewropej. Dan iċ-ċentru se jkun iddisinjat apposta biex joffri servizzi tas-saħħa mentali f’ambjent modern, b’faċilitajiet rikreattivi, edukattivi u terapewtiċi li jwieġbu għall-ħtiġijiet tal-komunità.
Waqt il-preżentazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela enfasizza li dan il-proġett jifforma parti minn viżjoni usa’ biex is-servizzi tas-saħħa mentali jkunu aktar qrib in-nies, fil-qalba tal-komunitajiet. Huwa faħħar il-ħidma tal-Fondazzjoni Richmond fil-ġlieda kontra l-istigma u semma wkoll il-progress li sar f’dawn l-aħħar snin, inkluż żieda sinifikanti fis-servizzi terapewtiċi u l-parteċipazzjoni qawwija fil-Mental Health First Aid Course.
Il-Prim Ministru saħaq fuq l-importanza li s-soċjetà tibqa’ tinvesti fis-saħħa mentali, filwaqt li rrimarka li organizzazzjonijiet bħal Richmond għandhom rwol kruċjali biex jinbena ambjent aktar empatiku u inklussiv. Huwa żied li, minkejja sfidi internazzjonali, il-prijoritajiet soċjali jibqgħu fil-qalba tal-politika tal-Gvern.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi spjega kif dan il-proġett juri l-impatt konkret tal-fondi Ewropej fil-ħajja tan-nies, billi mhux biss jiffinanzjaw infrastruttura ġdida, iżda wkoll jippermettu servizzi aktar aċċessibbli u ta’ kwalità aħjar.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Richmond, Daniela Calleja Bitar, iddeskriviet iċ-ċentru bħala pass importanti biex jissaħħu s-servizzi fil-komunità, b’enfasi fuq ambjent sigur u dinjituż li jappoġġja kemm lill-individwi kif ukoll lill-familji tagħhom. Hija enfasizzat ukoll li l-kollaborazzjoni mal-Gvern u l-użu tal-fondi Ewropej se jkomplu jtejbu l-aċċess u l-kwalità tas-servizzi, filwaqt li jnaqqsu l-istigma marbuta mas-saħħa mentali.
Iċ-ċentru l-ġdid se jinkludi kmamar għat-terapija, spazji għall-familji u faċilitajiet għat-taħriġ, bil-għan li joffri servizz komprensiv u aċċessibbli f’ambjent modern u adattat għall-bżonnijiet tal-lum.
Ritratti (OPM/DOI)












