Servizz.gov ħabbar strateġija ġdida ta’ tliet snin bl-għan li jkompli jtejjeb is-servizzi u jressaqhom aktar lejn iċ-ċittadini. Din l-istrateġija, bl-isem “Servizzi. Aktar Qribek”, tiffoka fuq kif is-servizz pubbliku jista’ jsir aktar aċċessibbli, modern u ffukat fuq il-bżonnijiet tan-nies.
Fost il-miżuri ewlenin hemm inizjattivi biex kulħadd ikun jista’ jaċċessa s-servizzi, sit elettroniku ġdid b’esperjenza aktar personalizzata, u użu akbar ta’ data u riċerka biex jitjiebu l-operazzjonijiet. Se jkun hemm ukoll aktar integrazzjoni bejn il-pjattaformi, kollaborazzjoni akbar mal-istakeholders, u komunikazzjoni aktar effettiva mal-pubbliku. Importanti wkoll l-enfasi fuq it-taħriġ u l-involviment tal-impjegati kif ukoll fuq governanza aktar b’saħħitha u ippjanar fit-tul.
Il-Kap tas-Servizz Pubbliku, Tony Sultana, spjega li din l-istrateġija se tkompli tibni fuq il-progress li sar, bil-għan li s-servizzi mhux biss jibqgħu jaslu għand in-nies, iżda saħansitra jmorru aktar qrib tagħhom, anke fid-djar tagħhom. Huwa saħaq ukoll fuq l-impatt pożittiv li servizz effiċjenti jista’ jkollu fuq il-familji.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv Massimo Vella qal li fl-aħħar snin Servizz.gov għamel qabża kbira, minn sistema ċentralizzata għal waħda mifruxa mal-pajjiż kollu, inkluż ċentri lokali u servizzi diġitali. Issa, permezz ta’ din l-istrateġija l-ġdida, se jkomplu jħarsu ’l quddiem billi jużaw teknoloġiji moderni bħall-Intelliġenza Artifiċjali biex is-servizz ikun aktar personalizzat u effiċjenti.
Min jixtieq jaqra aktar dwar din l-istrateġija jista’ jaċċessaha minn hawn: https://tinyurl.com/yeysnx6j











