Fuq inizjattiva tal-għaqda volontarja Generation (Change?), dgħajsa li kienet abbandunata nbidlet f’attrazzjoni kreattiva għat-tfal ġewwa Ġnien is-Salvatur fil-Kalkara.
Il-proġett, bl-isem The Playboat: Voyage to Imagination, huwa ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea u sar realtà grazzi għall-ħidma ta’ voluntiera li fl-aħħar xhur ħadmu biex jagħtu ħajja ġdida lil din id-dgħajsa. Illum, hija sservi bħala simbolu tal-komunità, librerija fil-beraħ u spazju fejn it-tfal jistgħu jħallu l-immaġinazzjoni tagħhom tiġri.
Is-Sindku tal-Kalkara, Wayne Aquilina, sostna li l-Kunsill Lokali jemmen f’inizjattivi li jsaħħu l-komunità u jinkoraġġixxu l-kreattività. Esprima t-tama li din id-dgħajsa ma tkunx biss attrazzjoni sabiħa fid-daħla tal-lokalità, iżda wkoll post fejn jitwieldu stejjer u fejn familji jqattgħu ħin ta’ kwalità flimkien.
L-inawgurazzjoni saret nhar il-Ħamis 30 ta’ April, fejn ġie spjegat ix-xogħol li sar u Generation (Change?) ippreżentaw ukoll numru ta’ kotba lill-Kunsill Lokali sabiex jitqiegħdu fid-dgħajsa. F’dik l-okkażjoni, diversi tfal diġà bdew igawdu dan l-ispazju; telgħu fid-dgħajsa, qraw kotba, penġew u bdew il-vjaġġ tagħhom fid-dinja tal-immaġinazzjoni, proprju kif jimmira dan il-proġett.











