Tlesta madwar 40% tax-xogħol fuq proġett ġdid f’Ħad-Dingli li għandu l-għan li jkompli jsaħħaħ is-servizzi ta’ respite għal tfal u żgħażagħ b’diżabilità fil-komunità. Dan il-proġett, li jifforma parti mill-miżuri tal-Budget 2026, jirrappreżenta investiment ta’ aktar minn tliet kwarti ta’ miljun ewro.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia, żaret is-sit fejn qed jinbena dan il-proġett, li se jkun jikkonsisti f’binja residenzjali fuq żewġ sulari. Meta jitlesta, il-faċilità se tkun tista’ tilqa’ sa 10 persuni fl-istess ħin u se tinkludi ħames kmamar tas-sodda, spazji individwali, żoni komuni bħal bitħa u terrazzin, kif ukoll faċilitajiet għall-istaff.
Ix-xogħlijiet jinsabu għaddejjin fil-fażi tal-kostruzzjoni, bl-ewwel sular kważi lest u mistenni jiġi msaqqaf fix-xahar li ġej. Is-sit, li jkopri 217-il metru kwadru, jinsab f’żona ta’ konservazzjoni urbana, fatt li qed jinfluwenza l-istil tal-iżvilupp.
Dan il-proġett għandu l-għan li jkompli jtejjeb il-kwalità tas-servizzi fil-komunità, speċjalment dawk li joffru sostenn lill-familji. Permezz tas-servizz ta’ respite, tfal b’diżabilità se jkollhom l-opportunità jqattgħu żmien f’ambjent sigur, modern u aċċessibbli, filwaqt li l-familji tagħhom ikunu jistgħu jieħdu mistrieħ jew jindirizzaw bżonnijiet oħra, inkluż f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza jew kura medika.
Il-Ministru Farrugia qalet li l-progress li sar s’issa juri li l-proġett miexi ’l quddiem b’ritmu tajjeb u mistenni jitlesta sal-aħħar tas-sena. Hija enfasizzat li dan mhux biss investiment infrastrutturali, iżda inizjattiva li tissarraf f’benefiċċji konkreti għall-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom, billi tkompli ssaħħaħ il-prinċipju tal-inklużjoni fil-prattika.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport, Oliver Scicluna, spjega li dan il-proġett huwa parti minn viżjoni usa’ biex jissaħħu s-servizzi fil-komunità u jitnaqqas id-dipendenza fuq mudelli istituzzjonali tradizzjonali. Huwa sostna li l-għan hu li s-servizzi jaslu eqreb lejn in-nies, permezz ta’ infrastruttura moderna u mfassla skont il-ħtiġijiet reali.
Il-proġett se jitmexxa b’kollaborazzjoni ma’ entitajiet mhux governattivi sabiex jiġi żgurat servizz sostenibbli u ta’ kwalità għolja. Dan huwa t-tieni proġett ta’ respite li qed jitwettaq mill-Aġenzija Sapport bħalissa, flimkien ma’ dak ta’ Ħal Kirkop li jinsab fl-aħħar fażijiet tiegħu.












