Il-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta kien mimli b’atmosfera ta’ ferħ u talb dalgħodu waqt quddiesa speċjali li fiha ġew ordnati tliet djakni ġodda mill-Arċisqof Charles Scicluna. Fost il-konċelebranti kien hemm il-Provinċjal tas-Salesjani ta’ Don Bosco f’Malta Fr Eric Cachia, il-Provinċjal tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali Patri Paul Darmanin, flimkien ma’ numru sabiħ ta’ saċerdoti djoċesani u reliġjużi.
Matul l-omelija, l-Arċisqof indirizza lill-ordinandi – Fra Mauro Zammit, Bro. Raphael Axisa u Bro. Matthew Alfino – b’messaġġ qawwi ta’ responsabbiltà u xhieda. Huwa ħeġġiġhom biex jimxu fuq kliem San Pawl lil Timotju u jkunu eżempju ħaj fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, mhux biss bil-kliem imma bl-imġiba, bl-imħabba, bil-fidi u bis-safa.
L-Arċisqof enfasizza li d-djakonat mhuwiex pass temporanju iżda vokazzjoni għal dejjem, li timmarka lil min jirċeviha bħala qaddej tal-verità, tal-artal u tal-fqar. Fakkarhom li l-verità mhix xi ħaġa li wieħed jippossjedi, imma li jħalliha tmexxih u tifforma ħajtu, waqt li bħala qaddejja tal-artal huma msejħa għal ħajja profonda ta’ talb u għaqda ma’ Alla. Fl-istess ħin, bħala qaddejja tal-fqar, huma mistiedna jgħixu s-servizz b’umiltà, dejjem konxji tal-limitazzjonijiet tagħhom stess.
B’mod personali, l-Arċisqof tkellem ma’ kull wieħed mid-djakni. Lil Fra Mauro fakkru fl-eżempju ta’ San Franġisk u l-għażla tiegħu għall-faqar, filwaqt li lil Bro. Matthew u Bro. Raphael, bħala Salesjani, ħeġġiġhom jimxu fuq l-ispirtu ta’ San Ġwann Bosco, li dejjem poġġa liż-żgħażagħ fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu b’imħabba u paċenzja.
Fl-aħħar, esprima t-tama li x-xhieda tagħhom tkun ta’ ispirazzjoni għal vokazzjonijiet ġodda, u li l-valuri tal-faqar, il-kastità u l-ubbidjenza jibqgħu jispikkaw bħala sfida u sinjal qawwi f’soċjetà li ħafna drabi tagħti prijorità lill-ġid materjali fuq il-valuri umani.
Ritratti: Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta








