Saret il-“Festa tal-Inklużjoni”, attività mfassla għall-familja kollha li ċċelebrat id-diversità u l-valuri tal-inklużjoni permezz ta’ esperjenzi varji u divertenti. Din l-inizjattiva ġiet organizzata mill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat flimkien ma’ Aġenzija Sapport u l-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, b’kollaborazzjoni ma’ diversi għaqdiet volontarji.
L-avveniment sar is-Sibt 2 ta’ Mejju fiċ-Ċentru tal-Volontarjat Jake Vella f’Raħal Ġdid, fejn mill-bidu tal-ġurnata ’l quddiem attendew numru sabiħ ta’ familji u parteċipanti li gawdew minn firxa wiesgħa ta’ attivitajiet adattati għal kulħadd.
Fost l-attivitajiet kien hemm face painting, logħob għat-tfal, wheelchair basketball u frame football, kif ukoll sessjonijiet ta’ gardening immexxija minn Aġenzija Sapport. Saru wkoll attivitajiet sensorjali mmexxija minn occupational therapist biex joffru esperjenza aktar inklużiva.
Il-pubbliku seta’ jżur diversi stands informattivi u interattivi, fosthom Karibu, l-Autism Parents Association, Kreazzjoni u Service Dogs Malta Foundation. Ma naqsux ukoll dimostrazzjonijiet u attivitajiet edukattivi minn diversi għaqdiet, fosthom sessjoni dwar il-fotografija minn Don Bosco, frame football minn Frame Football Malta, dimostrazzjonijiet minn K9 Search and Rescue, attivitajiet sportivi minn Paralympic Malta, first aid minn St John u żona ddedikata għall-water rescue mill-Red Cross.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia sostniet li inizjattivi bħal dawn juru kif il-komunità tista’ tingħaqad biex tippromwovi l-inklużjoni u ssaħħaħ il-valuri ta’ parteċipazzjoni u aċċessibbiltà għal kulħadd.
Fl-istess waqt, tħabbar li fi ħdan il-hub ta’ Raħal Ġdid se jkun hemm spazju dedikat minn fejn se tibda topera s-Service Dogs Malta Foundation. Dan se jsir permezz ta’ investiment ta’ €15,000 f’xogħol strutturali, bil-għan li jissaħħu s-servizzi relatati ma’ għajxien indipendenti u taħriġ ta’ klieb gwida.
Il-Ministru Farrugia temmet tgħid li dan huwa pass ieħor konkret lejn soċjetà aktar inklussiva, fejn l-investiment fis-servizzi u fil-komunità jkompli jagħmel differenza fil-ħajja tan-nies.
L-attività kienet miftuħa għal kulħadd u offriet opportunità sabiħa biex il-pubbliku jappoġġja u japprezza inizjattivi li jippromwovu soċjetà aktar ġusta u inklussiva.
Ritratti: MIV













