Il-Gvern qed isaħħaħ l-impenn tiegħu lejn diġitalizzazzjoni tan-negozji billi nieda Call 2 tal-iskema “Digitalise your SME”, b’investiment li tela’ minn €5 miljun għal €15-il miljun, kofinanzjat mill-Fondi Ewropej.
Din l-inizjattiva għandha l-għan li tgħin lin-negozji żgħar u medji jagħmlu pass ’il quddiem fid-diġitalizzazzjoni u fl-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali, sabiex itejbu l-kompetittività, l-effiċjenza u r-reżiljenza tagħhom fis-suq.
Permezz tal-iskema, in-negozji jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja biex jinvestu f’soluzzjonijiet diġitali u teknoloġiji innovattivi. L-għotja tista’ tilħaq massimu ta’ €128,400, b’kopertura ta’ 50% tal-investiment f’Malta u 60% f’Għawdex. F’każ ta’ proġetti li jinvolvu l-Intelliġenza Artifiċjali, hemm appoġġ addizzjonali sa €107,000, li jwassal għal total massimu ta’ €235,400.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li din l-iskema tifforma parti mill-Viżjoni Malta 2050, li tħares lejn ekonomija aktar moderna, sostenibbli u reżiljenti, filwaqt li enfasizza r-rwol tal-Fondi Ewropej fit-trasformazzjoni diġitali tal-pajjiż.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Silvio Schembri sostna li dan l-investiment jgħin lin-negozji Maltin u Għawdxin jidħlu aktar fl-innovazzjoni u jikbru b’mod sostenibbli, speċjalment permezz tal-adozzjoni tal-Intelliġenza Artifiċjali. Huwa fakkar ukoll li fil-Baġit tħabbru €100 miljun għal miżuri relatati mal-AI u l-innovazzjoni, u li dan hu l-ewwel pass konkret f’din id-direzzjoni.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MDIA, Kenneth Brincat, saħaq fuq il-bżonn li l-Intelliġenza Artifiċjali tintuża b’mod responsabbli u b’governanza adegwata, biex jiġi żgurat impatt pożittiv fuq in-negozji u s-soċjetà.
L-applikazzjonijiet għal din l-iskema jiftħu fl-1 ta’ Lulju 2026, bl-ewwel skadenza tkun il-31 ta’ Lulju 2026. Is-sistema hija open-rolling, jiġifieri wieħed jista’ japplika fi kwalunkwe ħin, b’cut-off dates kull madwar 15-il jum sa tmiem is-sena, skont il-baġit disponibbli.
Se jkunu organizzati wkoll sessjonijiet ta’ informazzjoni b’kollaborazzjoni mal-Malta Business Chambers u Servizzi Ewropej f’Malta, biex jiggwidaw lil dawk interessati japplikaw.
Proġetti li jinkludu l-Intelliġenza Artifiċjali se jirċievu wkoll appoġġ addizzjonali mill-MDIA wara li jitlesta l-proġett, wara s-sottomissjoni ta’ rapporti dwar il-produttività u l-impatt etiku u soċjali.
Il-Gvern qed iħeġġeġ lin-negozji jieħdu vantaġġ minn din l-opportunità biex jinvestu fil-futur tagħhom u jikkontribwixxu għal ekonomija Maltija aktar innovattiva u kompetittiva.










