Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura uffiċjalment servizz ġdid ta’ fast ferry li se jgħaqqad lil Tas-Sliema ma’ Buġibba u lil Buġibba ma’ Għawdex, f’inizjattiva li tkompli ssaħħaħ il-konnettività bejn il-gżejjer u madwar Malta.
Akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u l-Ministru Chris Bonett, il-Prim Ministru spjega kif dan is-servizz bejn Tas-Sliema u Buġibba se jkun bla ħlas, bil-għan li jkompli jissaħħaħ it-trasport pubbliku b’xejn kemm fuq l-art kif ukoll fuq il-baħar.
Huwa sostna li f’kuntest Ewropew fejn diversi pajjiżi qed inaqqsu s-servizzi pubbliċi minħabba l-awsterità, Malta qed tagħżel triq differenti billi tinvesti aktar u toffri servizzi b’xejn, bħala riflessjoni ta’ politika soċjali u progressiva.
Is-servizz il-ġdid mhux biss jiffaċilita l-ivvjaġġar bejn iċ-ċentru u n-naħa ta’ fuq ta’ Malta, iżda joffri wkoll aktar għażliet għall-Għawdxin li jivvjaġġaw lejn Malta, b’konnessjonijiet addizzjonali lil hinn miċ-Ċirkewwa u l-Belt Valletta.
Dan il-proġett huwa parti mill-iżvilupp kontinwu tas-servizz ta’ Tallinja bil-Baħar, li mistenni jespandi aktar fil-futur, inkluż lejn in-naħa t’isfel tal-pajjiż permezz ta’ rotta ġdida bejn Marsaskala u l-Belt, ladarba jitlesta x-xogħol f’Wied il-Għajn.
Il-Prim Ministru nnota wkoll li s-servizz tal-Harbour Ferry diġà ġarr aktar minn miljun u nofs passiġġier minn meta sar bla ħlas, u enfasizza li t-trasport marittimu huwa pilastru importanti fil-pjan Malta in Motion, li jħares lejn sistema ta’ mobilità aktar integrata u sostenibbli.
Fost il-pjanijiet futuri, il-Gvern qed jimmira li jsaħħaħ is-servizz tal-Gozo Channel b’investiment f’vapuri ġodda u aktar nodfa, flimkien ma’ titjib fit-trasport pubbliku f’Għawdex u introduzzjoni ta’ servizzi bħal air taxi bejn iż-żewġ gżejjer.
Tħabbar ukoll li ġiet imwaqqfa taskforce biex tanalizza l-operat tal-port tal-Imġarr, bil-għan li tiġi żgurata sostenibbiltà fit-tul hekk kif tiżdied il-konnettività marittima.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Chris Bonett spjega li dan is-servizz se joffri alternattiva konkreta għall-ivvjaġġar lejn u minn Għawdex, filwaqt li servizz ġdid ta’ bus ċirkolari se jikkumplimenta din l-inizjattiva biex jagħmilha aktar aċċessibbli.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, Kurt Farrugia, temm jgħid li dan huwa pass ieħor lejn sistema ta’ trasport moderna fejn mezzi differenti jaħdmu flimkien b’mod koordinat, bħala parti mill-viżjoni usa’ ta’ Malta in Motion.












