Tlesta programm estensiv ta’ xogħlijiet fuq it-toroq madwar Malta matul l-aħħar sentejn, b’madwar elf intervent imwettqa minn Infrastructure Malta. Dan sar bħala parti minn sforz kontinwu biex tissaħħaħ l-infrastruttura tal-pajjiż u titjieb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini.
Ix-xogħlijiet kienu jvarjaw minn proġetti kbar fejn toroq inbnew mill-ġdid kompletament, sa xogħlijiet ta’ manutenzjoni u resurfacing. Fl-istess ħin, saru interventi fuq servizzi taħt l-art u ġew indirizzati diversi bottlenecks f’żoni importanti, biex jitjieb il-fluss tat-traffiku u tiżdied is-sigurtà fit-toroq. Dan kollu wassal għal vjaġġar aktar komdu u effiċjenti ta’ kuljum.
Importanti wkoll kienet il-kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali, li ppermettiet li jsir xogħol mhux biss fuq toroq arterjali iżda wkoll f’żoni residenzjali f’diversi lokalitajiet.
Dawn l-interventi saru parallelment ma’ proġetti infrastrutturali oħra kbar li għadhom għaddejjin, fosthom dak tal-Imsida Creek, il-pjazza ta’ Buġibba u xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni f’Wied il-Għajn, li kollha qed jikkontribwixxu biex jinbidlu u jitjiebu żoni importanti fil-pajjiż.
Tul il-proċess kollu, ingħatat prijorità lill-komunikazzjoni mal-pubbliku, b’aġġornamenti regolari dwar il-progress tax-xogħlijiet. Dan għen biex tiżdied il-kooperazzjoni mir-residenti u tissaħħaħ il-fiduċja f’dawn il-proġetti.
Il-Ministru Chris Bonett iddeskriva dan ir-riżultat bħala pass importanti li mhux biss juri dak li diġà sar, iżda jservi wkoll bħala bażi għal aktar investiment fil-futur, bil-għan li Malta tkompli tibni infrastruttura moderna, sostenibbli u adattata għall-ħtiġijiet tal-lum u ta’ għada.










