L-aħħar ċifri ta’ Eurostat juru li Malta tibqa’ fost il-pajjiżi bl-orħos prezzijiet tal-elettriku fl-Ewropa, speċjalment għall-familji.
Skont statistika għall-aħħar sitt xhur tal-2025, il-familji Maltin qed igawdu minn prezzijiet ferm aktar baxxi meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra tal-UE. Meta dawn jitkejlu skont l-Istandard tal-Kapaċità għall-Infiq (PPS), Malta tikklassifika fl-ewwel post bħala l-pajjiż fejn il-piż tal-elettriku fuq il-familji huwa l-inqas.
Dan ifisser li, meta jitqies id-dħul u l-għoli tal-ħajja, Malta hija l-aktar affordabbli, b’differenza kbira minn pajjiżi bħar-Rumanija u r-Repubblika Ċeka fejn il-piż fuq il-familji huwa kważi tliet darbiet ogħla.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, Miriam Dalli, sostniet li l-istabbiltà fil-prezzijiet tibqa’ prijorità, peress li tagħti serħan il-moħħ kemm lill-familji kif ukoll lin-negozji. Hija enfasizzat li filwaqt li diversi pajjiżi Ewropej qed jiffaċċjaw żidiet u instabbiltà, Malta rnexxielha żżomm il-prezzijiet stabbli grazzi għal viżjoni fit-tul li tpoġġi lill-konsumatur fiċ-ċentru, filwaqt li tkompli tinvesti f’enerġija aktar nadifa u sostenibbli.
Id-data turi wkoll li mill-2020 ’l hawn, ħafna pajjiżi Ewropej raw żidiet sostanzjali fil-prezzijiet tal-elettriku. Malta, iżda, evitat dawn iż-żidiet, fatt li jindika kemm il-politika enerġetika nazzjonali hija mfassla fuq ippjanar fit-tul u reżiljenza.
B’mod ġenerali, dawn ir-riżultati jikkonfermaw l-impenn tal-Gvern li jħares lill-konsumaturi, isaħħaħ l-ekonomija u jiżgura sigurtà fl-enerġija, anke quddiem sfidi u pressjonijiet ġeopolitiċi li qed jolqtu s-suq Ewropew tal-enerġija.








