Il-White Rocks qed jieħu ħajja ġdida hekk kif infetaħ b’mod aktar sigur u aċċessibbli għall-pubbliku wara l-ewwel fażi ta’ xogħlijiet immexxija minn Project Green. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija Miriam Dalli waqt il-preżentazzjoni tar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar it-tliet parks nazzjonali fil-White Rocks, Manoel Island u Fort Campbell.
Il-konsultazzjoni Shape Your Space, li saret bejn Diċembru u April permezz tal-pjattaforma ParksinMalta.mt, ġabret aktar minn 6,000 sottomissjoni. Barra minn hekk, saru madwar 100 workshop u focus group ma’ residenti, studenti, familji, anzjani, kunsilli lokali u għaqdiet mhux governattivi, li għalihom attendew madwar 6,000 persuna oħra.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li dan il-proċess ta direzzjoni ċara dwar dak li jridu l-komunitajiet għall-ispazji miftuħa tagħhom. Hija sostniet li dawn il-postijiet għandhom jibqgħu spazji fejn il-familji jiltaqgħu u l-komunità tissaħħaħ.
Hija spjegat li l-għan tal-Gvern huwa li art pubblika li kienet magħluqa jew mitluqa terġa’ tingħata lura lin-nies, b’ħidma li ssir b’fażijiet u b’responsabbiltà. Qalet ukoll li l-White Rocks issa jista’ jitgawda mill-pubbliku b’mod sigur, filwaqt li se jkompli x-xogħol biex is-sit jinbidel fi spazju nazzjonali modern u aċċessibbli.
Fl-ewwel fażi tax-xogħlijiet fil-White Rocks tneħħew aktar minn 22,000 tunnellata ta’ skart tal-kostruzzjoni u strutturi perikolużi. Sar ukoll xogħol ta’ sigurtà u twaħħlu fencing, sinjali u bankijiet għall-pikniks biex iż-żona tkun aktar organizzata għall-viżitaturi.
Il-pubbliku issa se jkun jista’ japprezza mill-ġdid il-potenzjal tal-White Rocks, filwaqt li jibda jifforma idea aktar ċara dwar il-proġett ta’ riġenerazzjoni li għandu jsir fil-futur.
Bħala parti mill-attivitajiet fuq is-sit, fis-16 u s-17 ta’ Mejju se jsir ukoll is-Spring Festival fil-White Rocks.
Intqal ukoll li l-ideat li ħarġu mill-konsultazzjoni kienu konkreti u konsistenti, u se jkunu parti mill-pjan ħolistiku li qed jitfassal flimkien mad-ditta internazzjonali Chapman Taylor.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Joseph Cuschieri, qal li l-għan tal-kampanja kien li l-pubbliku jingħata vuċi qabel ma jibda d-disinn tal-proġetti, sabiex il-pjanijiet jirriflettu l-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tan-nies.










