Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) nieda skema ġdida bl-isem ta’ Intergenerational Voluntary Organisations Scheme (IVOS), b’investiment ta’ kważi €1 miljun biex tappoġġja proġetti komunitarji mmexxija minn għaqdiet volontarji li jsaħħu r-rabtiet bejn ġenerazzjonijiet differenti.
Permezz ta’ din l-iskema, kull proġett eliġibbli jista’ jibbenefika minn sa €30,000 f’fondi biex jitwettqu inizjattivi li jippromwovu s-solidarjetà, il-parteċipazzjoni attiva u l-qsim ta’ esperjenzi bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani.
It-tnedija saret mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-MCVS Mauro Pace Parascandolo.
L-iskema hija maħsuba biex tkompli tgħin fil-bini ta’ soċjetà aktar inklussiva u magħquda, filwaqt li toħloq opportunitajiet għal aktar kollaborazzjoni u appoġġ bejn il-ġenerazzjonijiet. Hija wkoll allinjata mal-prijoritajiet tal-Viżjoni Malta 2050 u mal-għanijiet tal-International Year of Volunteers for Sustainable Development 2026, li jenfasizzaw l-importanza tal-volontarjat għall-inklużjoni soċjali u l-parteċipazzjoni ċivika.
Il-Ministru Julia Farrugia qalet li din l-iskema hija investiment dirett fin-nisġa soċjali tal-pajjiż u sostniet li, permezz tagħha, iż-żgħażagħ u l-anzjani se jkollhom aktar opportunitajiet biex jaħdmu flimkien, jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u jibnu sens aktar b’saħħtu ta’ solidarjetà fil-komunità.
Min-naħa tiegħu, Mauro Pace Parascandolo spjega li l-MCVS qed ikompli jsaħħaħ l-appoġġ tiegħu lejn is-settur volontarju filwaqt li jħeġġeġ aktar involviment ċiviku minn persuni ta’ etajiet differenti. Huwa qal li issa l-Kunsill qed jistenna biex jara l-proġetti li se jitressqu u l-impatt pożittiv li dawn jistgħu jħallu fil-komunitajiet Maltin.
L-għaqdiet li japplikaw għall-fondi jridu jkunu reġistrati u konformi mar-rekwiżiti tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji. Aktar informazzjoni dwar il-kriterji u l-applikazzjonijiet se tkun disponibbli fil-ġimgħat li ġejjin fuq vofunding.org.mt.










