Beda x-xogħol fuq clubhouse ġdida għall-Klabb tar-Regatta ta’ Birżebbuġa, proġett li kien ilu mixtieq għal ħafna snin mir-residenti u mid-dilettanti tar-regatta fil-lokalità. Il-clubhouse se tinkludi spazju amministrattiv kif ukoll maħżen għad-dgħajjes, u se tinbena qrib is-slipway biex tiffaċilita l-operat tal-klabb u l-varar tad-dgħajjes.
Dan il-proġett huwa parti minn sensiela ta’ interventi li qed iwettaq id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi f’Birżebbuġa, fosthom xogħlijiet fuq il-promenade ta’ San Ġorġ, titjib fil-klabb tal-boċċi, waterproofing fuq il-bejt tal-knisja u installazzjoni ta’ heat pumps ġodda fil-Birżebbuġa Aquatics Centre biex il-pixxina tkun tista’ tintuża wkoll fix-xitwa.
Waqt żjara fuq il-post, is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia qal li dan il-proġett se jagħti spazju adegwat lill-klabb biex ikompli jikber u jsaħħaħ l-akkademja tar-regatta għat-tfal u ż-żgħażagħ.
Il-President tal-Klabb tar-Regatta ta’ Birżebbuġa Ian Farrugia rringrazzja lill-awtoritajiet għall-appoġġ, u sostna li l-proġett se jgħin biex il-klabb finalment ikollu bażi tiegħu stess f’Birżebbuġa.












