L-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Malta tellgħet seminar bit-tema “Thriving Under Pressure”, inizjattiva li tiffoka fuq is-saħħa mentali u l-bini tar-reżiljenza fil-ħajja ta’ kuljum u fuq il-post tax-xogħol. L-attività saret fl-Urban Valley Resort & Spa f’San Ġwann taħt il-kampanja “You Matter – Strengthening Minds, Building Resilience”.
Is-seminar fetaħ b’messaġġ ta’ merħba minn Mr John Mallia, segwit minn indirizz minn Dr Gertrude Buttigieg, Higher Speech Language Practitioner u Communications Officer fi ħdan l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Promozzjoni tad-Drittijiet ta’ Persuni b’Disturbi Mentali. Fl-intervent tagħha ġiet enfasizzata l-importanza li s-saħħa mentali tingħata prijorità akbar kemm fuq livell personali kif ukoll komunitarju.
Matul il-ġurnata saru wkoll żewġ workshops immexxija minn Dr Charles Cassar u Mr Martin Cassar, li ffukaw fuq kif individwi jistgħu jimmaniġġjaw il-pressjoni, isaħħu r-reżiljenza emozzjonali u jadottaw strateġiji pożittivi biex ilaħħqu mal-isfidi tal-ħajja moderna.
L-attività serviet bħala spazju ta’ diskussjoni u tagħlim dwar l-importanza tal-benesseri mentali, filwaqt li ħeġġet aktar għarfien dwar il-bżonn ta’ appoġġ u empatija fis-soċjetà.