Ġnien ġdid fil-qalba ta’ Ħal Kirkop wara li art tal-Gvern li setgħet tintuża għall-bini ġiet trasformata fi spazju miftuħ għar-residenti u l-familji. Ġnien il-Koppin, li tlesta minn Project Green, issa qed joffri ambjent aktar aċċessibbli, sostenibbli u mimli elementi naturali fil-komunità.
Il-proġett ġie inawgurat mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli flimkien mas-Sindku ta’ Ħal Kirkop Matthew Agius Zammit, fil-preżenza ta’ rappreżentanti ta’ Project Green u tal-Kunsill Lokali. Il-ġnien jinfirex fuq madwar 1,600 metru kwadru f’żona urbana tal-lokalità.
B’investiment ta’ aktar minn nofs miljun ewro, is-sit ġie mibdul f’ġnien pubbliku li jinkludi viewing platform, mogħdijiet magħmula minn materjal riċiklat, żoni għall-pjanti aromatiċi, strutturi favur il-pollinazzjoni u l-bijodiversità bħal insect hotel, kif ukoll żoni ta’ logħob għat-tfal.
Fil-ġnien tħawlu 55 siġra matura flimkien ma’ diversi pjanti u siġar indiġeni biex tissaħħaħ l-ekosistema lokali. Ġiet installata wkoll sistema ta’ irrigazzjoni awtomatika permezz ta’ ġibjun ta’ 110 metru kubu biex l-ilma jintuża b’mod aktar effiċjenti, filwaqt li parti mis-sistemi tal-elettriku jaħdmu bl-enerġija solari.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li dan il-proġett juri kif art li kienet ippjanata għall-iżvilupp tista’ tinbidel fi spazju miftuħ għall-komunità. Hija spjegat li l-Gvern qed jaħdem biex aktar familji jkollhom aċċess għal spazji miftuħa qrib fejn jgħixu, flok aktar bini fil-qalba tal-lokalitajiet.
Il-perit tal-proġett, Cheryl Camilleri, sostniet li Ġnien il-Koppin huwa spazju maħsub biex jilqa’ lil kulħadd u li jista’ jintuża għal diversi attivitajiet, filwaqt li appellat biex il-pubbliku jieħu ħsiebu sabiex jibqa’ jservi lill-komunità fis-snin li ġejjin.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku Matthew Agius Zammit qal li dan il-ġnien huwa investiment dirett fil-kwalità tal-ħajja tar-residenti ta’ Ħal Kirkop. Huwa spjega li flok is-sit ġie mibni b’numru ta’ blokok residenzjali, ittieħdet id-deċiżjoni li jinħoloq “pulmun aħdar” ġdid għall-lokalità, b’enfasi fuq sostenibbiltà u użu ta’ materjali riċiklati.











