Inawgurat il-Ġnien tal-Fajtata f’Marsaskala wara xogħlijiet estensivi ta’ tisbiħ u riġenerazzjoni li taw ħajja ġdida lil din iż-żona popolari mal-familji u r-residenti. Dan il-proġett jifforma parti minn sensiela ta’ investimenti infrastrutturali li għaddejjin bħalissa f’Marsaskala sabiex il-lokalità tkun aktar moderna, aċċessibbli u attraenti għal kulħadd. Ix-xogħol fil-ġnien jinsab qrib il-Bajja ta’ San Tumas, fejn ukoll qed isiru interventi biex iż-żona tkun tista’ titgawda aħjar matul is-sajf, filwaqt li qed tkompli wkoll ir-riġenerazzjoni tal-promenade tal-lokalità.
Tul dawn l-aħħar xhur, il-Ġnien tal-Fajtata għadda minn trasformazzjoni sħiħa li inkludiet żona tal-logħob ġdida għat-tfal b’aktar faċilitajiet u tined għad-dell, installazzjoni ta’ bankijiet u mwejjed ġodda, kif ukoll titjib fl-għamara urbana madwar il-ġnien kollu. Sar ukoll tibdil fid-dawl pubbliku u fir-railings biex tiżdied is-sigurtà, filwaqt li t-toilets pubbliċi ġew irranġati kompletament.
Il-proġett inkluda wkoll passaġġi ġodda, tħawwil ta’ siġar u arbuxelli, u sistema moderna ta’ irrigazzjoni biex il-ġnien jinżamm f’kundizzjoni tajba matul is-sena kollha. Ġiet installata wkoll rampa ġdida biex persuni b’diżabilità jkollhom aċċess aktar sigur u faċli għaż-żona tal-baħar. Barra minn hekk, sar titjib fil-parkeġġ ta’ fuq il-ġnien b’materjal li jaqbel aktar mal-ambjent naturali tal-madwar.
Il-Ministru Chris Bonett qal li dan huwa biss parti minn viżjoni akbar għal Marsaskala, fejn bħalissa għaddejjin diversi proġetti oħra fosthom xogħlijiet fuq il-promenade, il-playing area, il-kosta ta’ San Tumas, toroq ġodda u preparazzjonijiet biex il-lokalità tingħaqad man-netwerk ta’ Tallinja bil-Baħar. Huwa sostna li r-residenti tan-nofsinhar jixirqilhom spazji miftuħa u moderni fejn ikunu jistgħu jqattgħu ħin ta’ kwalità mal-familji tagħhom filwaqt li jgawdu l-ġmiel naturali tal-kosta Maltija.