Il-Gvern ħabbar sensiela ta’ miżuri ġodda mmirati biex isaħħu l-infurzar u joffru aktar protezzjoni lill-komunitajiet residenzjali f’lokalitajiet b’attività turistika intensa. Fost dawn hemm sistemi ġodda ta’ sorveljanza, monitoraġġ kontra l-istorbju, vetturi elettriċi għall-Pulizija tal-Komunità u regolamenti aktar stretti għall-akkomodazzjoni turistika.
It-tħabbira saret mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għat-Turiżmu Ian Borg flimkien mal-Ministru għall-Intern Byron Camilleri waqt żjara fis-Swieqi. Dawn il-miżuri jagħmlu parti minn proġett pilota li beda fl-2025 biex l-iżvilupp turistiku jkun aktar bilanċjat mal-ħajja tar-residenti.
Fis-Swieqi se jkun hemm netwerk modern ta’ 30 kamera ta’ sorveljanza, inklużi kameras b’teknoloġija avvanzata li jistgħu jduru u jżumu. Is-sistema se tkun immonitorjata mill-LESA 24 siegħa kuljum u se tkopri wkoll żoni bħal Paceville u San Ġiljan, biex tgħin fl-infurzar u żżid is-sigurtà kemm għar-residenti kif ukoll għat-turisti.
Fil-Belt Valletta, se jiġu installati apparat speċjali li jimmonitorja l-livelli tal-ħoss fi toroq popolari bħal Triq ir-Repubblika, Triq Merkanti, Strada Stretta u Triq San Pawl. Dawn is-sistemi se jibagħtu notifiki awtomatiċi lill-Pulizija meta jinqabeż il-livell permissibbli ta’ storbju, speċjalment matul il-lejl. Ġie spjegat li s-sistemi mhux se jirrekordjaw il-vuċijiet iżda biss ikejlu l-livell tal-ħoss biex tkun rispettata l-privatezza.
Tħabbret ukoll flotta ġdida ta’ vetturi elettriċi għall-Pulizija tal-Komunità, b’mod partikolari għal lokalitajiet turistiċi. Dawn qed jiġu ffinanzjati mill-kontribuzzjoni ambjentali li jħallsu t-turisti meta jżuru Malta.
Mill-1 ta’ Ġunju se jidħol fis-seħħ ukoll mekkaniżmu ġdid fejn turisti jew persuni barranin li ma jgħixux Malta jistgħu jingħataw multi fuq il-post jekk jinqabdu jiksru l-liġi. Dawn il-multi jkunu jistgħu jitħallsu immedjatament permezz ta’ sistemi elettroniċi, biex jiġi evitat li jibqgħu mhux imħallsa.
Bidliet oħra jolqtu l-akkomodazzjoni turistika għal żmien qasir. Sidien ta’ proprjetajiet mikrija lit-turisti se jkunu obbligati juru n-numru tal-liċenzja tal-MTA u kuntatt disponibbli 24 siegħa kuljum biex jiġu indirizzati lmenti. Barra minn hekk, se jkollhom jippreżentaw pjan għall-ġestjoni tal-iskart, filwaqt li min jopera mingħajr liċenzja valida jista’ jiġi skwalifikat għal tliet snin.
Ian Borg qal li dawn il-miżuri huma pass ieħor lejn turiżmu aktar sostenibbli li jagħti benefiċċji kemm lill-ekonomija kif ukoll lill-komunitajiet. Min-naħa tiegħu Byron Camilleri sostna li l-għan hu li Malta tibqa’ pajjiż sigur permezz ta’ aktar prevenzjoni, infurzar effettiv u investiment fl-għodod għall-korpi dixxiplinati.











