Qed ikomplu x-xogħlijiet ta’ restawr fil-Kottonera sabiex jissaħħaħ u jiġi ppreservat il-wirt storiku u reliġjuż taż-żona, b’mod partikolari f’Bormla. Waqt żjara fuq diversi siti ekkleżjastiċi, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli flimkien maċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kottonera Joe Mizzi osservaw il-progress ta’ proġetti ta’ konservazzjoni li qed jitwettqu permezz ta’ investiment sostanzjali fil-patrimonju kulturali tal-lokalità.
Fost il-proġetti ewlenin hemm ir-restawr tal-pittura titulari oriġinali tal-Knisja ta’ Santa Tereża f’Bormla, opra artistika li sofriet ħsarat kbar matul it-Tieni Gwerra Dinjija meta kienet tneħħiet mill-knisja biex tiġi salvagwardjata. Dan il-proġett għandu l-għan li jirrestawra kemm il-valur artistiku kif ukoll dak storiku tal-pittura, b’investiment ta’ kważi €45,000, fejn il-maġġoranza tal-finanzjament qed tingħata mill-Fondazzjoni Kottonera. Ix-xogħol huwa mistenni jitlesta sal-aħħar tal-2026.
Sar ukoll żjara fil-Parroċċa Marija Immakulata Kunċizzjoni f’Bormla fejn għaddej restawr estensiv fuq diversi elementi storiċi u liturġiċi, fosthom il-katedral Barokk tal-injam tas-seklu tmintax, il-pulptu, l-aperturi tal-Oratorju tal-Madonna tad-Duluri u tmien gwarniċi tal-“Via Matris”. Dan il-proġett, li jaqbeż is-€62,000, qed jitwettaq ukoll bl-appoġġ finanzjarju tal-Fondazzjoni Kottonera u għandu jitlesta fl-2027.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli sostniet li dawn il-proġetti huma xhieda tal-impenn kontinwu sabiex il-wirt storiku u reliġjuż tal-Kottonera jibqa’ protett u aċċessibbli għall-komunità. Hija qalet li l-konservazzjoni tal-patrimonju hija investiment dirett fl-identità kulturali u fil-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
Min-naħa tiegħu, Joe Mizzi spjega kif il-Fondazzjoni Kottonera qed taħdem sabiex tkompli tagħti ħajja ġdida lill-Kottonera permezz ta’ proġetti ta’ riġenerazzjoni li jinkludu kemm titjib infrastrutturali kif ukoll il-preservazzjoni tal-wirt storiku.
Dawn l-interventi qed ikomplu juru l-importanza li tingħata lill-konservazzjoni tal-patrimonju Malti, sabiex dan il-wirt jibqa’ jgħix u jitgawda mill-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada.












