Tnediet uffiċjalment l-iskema “Sport għal Kulħadd”, inizjattiva ġdida mmirata biex tagħti aktar opportunitajiet lil tfal bl-awtiżmu u b’diżabilitajiet mhux viżibbli biex jipparteċipaw fl-isport b’mod attiv u inklużiv.
Il-programm, imfassal minn Żurrieq FC wara diversi xhur ta’ preparazzjoni, se joffri taħriġ tal-futbol adattat għall-bżonnijiet tat-tfal, b’enfasi fuq l-integrazzjoni, l-iżvilupp personali u l-parteċipazzjoni ugwali. L-iskema hija maħsuba mhux biss għat-tfal li diġà jagħmlu parti min-nursery tal-klabb, iżda wkoll għal dawk li s’issa sabu diffikultajiet biex jipparteċipaw f’attivitajiet sportivi tradizzjonali.
Għat-tnedija attendew il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, id-Deputy Chairperson tal-AX Foundation Joseph Borg, il-President ta’ Żurrieq FC Dino Bonnici u s-Sindku ta’ Żurrieq Rita Grima.
Permezz ta’ finanzjament mill-Ministeru għall-Inklużjoni u mill-AX Foundation, il-programm se jipprovdi sessjonijiet immexxija minn coaches u professjonisti mħarrġa apposta biex jindirizzaw il-ħtiġijiet individwali tat-tfal. Barra minn hekk, il-familji se jingħataw appoġġ kontinwu qabel u waqt it-taħriġ sabiex it-tfal ikollhom esperjenza aktar pożittiva u komda.
L-għan ewlieni tal-iskema huwa li t-tfal ikollhom l-opportunità jitħarrġu flimkien ma’ oħrajn u, maż-żmien, ikunu jistgħu jingħaqdu ma’ programmi sportivi mainstream. Din l-inizjattiva twieġeb ukoll għat-talbiet ta’ diversi familji li ilhom jisħqu fuq il-bżonn ta’ aktar inklużjoni fl-isport għal tfal bl-awtiżmu.
Il-Ministru Julia Farrugia sostniet li l-inklużjoni għandha tibqa’ prijorità u li kull tifel u tifla għandu jkollu l-istess opportunitajiet biex jiżviluppa l-potenzjal tiegħu, irrispettivament mid-diżabilità. Hija rringrazzjat lil Żurrieq FC, lill-voluntiera u lill-entitajiet kollha involuti għall-impenn tagħhom favur sport aktar aċċessibbli għal kulħadd.












