Qed tkompli tissaħħaħ il-ħidma favur is-saħħa mentali fil-komunità permezz ta’ investiment ġdid fir-Richmond Foundation Well-being Centre fil-Mosta. Dan iċ-ċentru modern u speċjalizzat se jkun qed jipprovdi kura, appoġġ terapewtiku u servizzi integrati għal persuni u familji li jagħmlu użu mis-servizzi tal-fondazzjoni, bl-appoġġ ukoll ta’ fondi minn Komunità Malta.
Waqt żjara fil-faċilitajiet tal-fondazzjoni, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri enfasizza l-importanza li aktar nies ikollhom aċċess għal servizzi ta’ saħħa mentali ta’ kwalità qrib il-komunitajiet tagħhom.
Huwa sostna li s-saħħa mentali għandha rwol kruċjali fil-kwalità tal-ħajja tal-familji u qal li investimenti bħal dawn jistgħu jagħmlu differenza konkreta fil-ħajja ta’ ħafna persuni. Żied jgħid li ċentri bħal dawn jgħinu biex is-servizzi jkunu aktar aċċessibbli u adattati għall-bżonnijiet differenti tal-individwi u tal-familji.
Il-Ministru spjega wkoll li dan il-proġett huwa parti minn ħidma usa’ biex jissaħħu s-servizzi tas-saħħa mentali fil-komunità, fosthom inizjattivi relatati mat-tfal u l-adoloxxenti, kif ukoll programmi li jgħinu persuni jerġgħu jintegraw fid-dinja tax-xogħol wara diffikultajiet relatati mas-saħħa mentali.
Intant, il-Kap Eżekuttiv tar-Richmond Foundation, Daniela Calleja Bitar, qalet li ċ-ċentru l-ġdid se jkompli jsaħħaħ il-ħidma tal-fondazzjoni favur servizzi aktar moderni u ffukati fuq il-bżonnijiet reali tal-persuni u l-familji tagħhom.
Hija spjegat li ċ-ċentru se jipprovdi ambjent sigur, terapewtiku u dinjituż, filwaqt li sostniet li permezz tal-appoġġ ta’ Komunità Malta u fondi Ewropej, il-fondazzjoni se tkompli tespandi s-servizzi tagħha u taħdem biex tnaqqas l-istigma marbuta mas-saħħa mentali.










