Tnieda uffiċjalment proġett ta’ restawr fuq il-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Marija fil-Qrendi, bil-għan li din il-knisja storika tingħata lura l-ġmiel u d-dinjità tagħha filwaqt li titħares għall-futur.
Il-ftehim ġie ppresedut mill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici bejn il-Knisja Parrokkjali tal-Qrendi u d-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni.
Il-Ministru Bonnici sostna li dan il-proġett huwa investiment dirett fil-wirt kulturali u reliġjuż tal-pajjiż, filwaqt li jkompli jsaħħaħ l-identità tal-komunità tal-Qrendi u jippreserva l-valur storiku tal-knisja għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Huwa faħħar ukoll il-ħidma u l-impenn ta’ dawk kollha involuti sabiex il-proġett seta’ jibda.
Huwa spjega kif dan ir-restawr qed jingħaqad ma’ diversi inizjattivi oħra ta’ konservazzjoni ta’ patrimonju reliġjuż li saru madwar Malta, fosthom fil-Knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt Valletta u fil-Knisja tat-Trinità fil-Marsa.
Ix-xogħlijiet se jiffukaw fuq ir-restawr tal-faċċata tat-Tramuntana, inkluż il-kampnar, kif ukoll il-faċċata ta’ wara u l-aperturi kollha relatati magħhom.
Il-Knisja Parrokkjali tal-Qrendi, iddedikata lil Marija Assunta, tmur lura għall-1620 u nbniet fuq sit fejn qabel kien hemm żewġ kappelli żgħar.
Il-ftehim ġie ffirmat mid-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni l-Perit Mark Azzopardi, minn Fr Mario Said u mis-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross.











