Malta qed tagħmel pass ieħor importanti fid-dinja diġitali bit-tnedija tal-kors nazzjonali onlajn ‘AI Għal Kulħadd’, inizjattiva li għandha l-għan li tagħmel l-Intelliġenza Artifiċjali aktar aċċessibbli għal kulħadd. Il-programm, imħejji mill-MDIA flimkien mal-Università ta’ Malta, se jkun offrut bla ħlas għal persuni ta’ ’l fuq minn 14-il sena u jista’ jsir bil-pass tal-parteċipant, minn kullimkien u fi kwalunkwe ħin.
Il-kors huwa mfassal biex jgħin lin-nies jifhmu aħjar kif taħdem l-AI u kif tista’ tintuża b’mod sigur, responsabbli u prattiku fil-ħajja ta’ kuljum. Mingħajr il-ħtieġa ta’ għarfien tekniku, il-parteċipanti se jitgħallmu kif jużaw għodod tal-Intelliġenza Artifiċjali biex itejbu l-produttività, it-tagħlim u l-kreattività tagħhom. Wara t-taħriġ bażiku, wieħed jista’ jkompli korsijiet aktar speċjalizzati skont il-karriera jew l-istil ta’ ħajja tiegħu, u fi tmiemhom jingħata ċertifikat uffiċjali.
Bħala parti minn din l-inizjattiva, il-Gvern qed jikkollabora ma’ OpenAI u Microsoft sabiex dawk li jlestu l-kors jingħataw sena abbonament b’xejn għal ChatGPT Plus jew Microsoft 365 Personal Copilot. Dan għandu jgħin biex it-tagħlim miksub jitpoġġa fil-prattika ta’ kuljum, kemm fix-xogħol kif ukoll fil-ħajja personali.
Din l-inizjattiva tifforma parti mill-Viżjoni Malta 2050 u tkompli tibni fuq il-ħidma li Malta bdiet fl-2019 meta kienet fost l-ewwel pajjiżi li ħolqu qafas strateġiku u etiku għall-Intelliġenza Artifiċjali. Fl-istess waqt, il-Gvern qed jinvesti €100 miljun f’teknoloġiji diġitali bħall-AI, il-cybersecurity, il-blockchain u r-robotika biex il-pajjiż jibqa’ kompetittiv u modern.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg sostna li din l-inizjattiva qed twassal il-messaġġ li ħadd m’għandu jitħalla lura fid-dinja diġitali, filwaqt li l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri qal li Malta qed tkun minn tal-ewwel fid-dinja biex tagħti lill-poplu tagħha kemm it-taħriġ kif ukoll l-aċċess dirett għal għodod avvanzati tal-AI.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MDIA Kenneth Brincat spjega li l-kors huwa disponibbli kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż fuq il-pjattaforma uffiċjali ai4all.gov.mt, u jista’ jsir minn mobile, tablet jew kompjuter permezz tal-eID.
Anke rappreżentanti internazzjonali minn OpenAI u Microsoft faħħru l-viżjoni ta’ Malta, u sostnew li l-pajjiż qed ikun ta’ eżempju globali billi jagħmel l-AI aċċessibbli u inklussiva għaċ-ċittadini kollha tiegħu.











