Madwar €1 miljun tqassmu bejn 77 għaqda volontarja li jaħdmu fil-qasam tal-festi Maltin, b’appoġġ għal diversi proġetti marbuta mal-mużika, l-armar artistiku u s-saħħa u s-sigurtà fil-kmamar tan-nar f’Malta u Għawdex.
Il-fondi qed jingħataw permezz tal-Iskema għall-Wirt Artistiku, immexxija mill-Arts Council Malta fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali. L-għan tagħha hu li tgħin lill-għaqdiet volontarji li tul is-sena kollha jaħdmu biex iżommu ħajja t-tradizzjonijiet tal-festi fil-lokalitajiet Maltin u Għawdxin.
Permezz tal-iskema qed jiġu sostnuti inizjattivi differenti fosthom taħriġ u edukazzjoni mużikali, restawr ta’ opri u arkivji, investiment fit-teknoloġija u sistemi amministrattivi, titjib fil-postijiet ta’ tagħlim u eżekuzzjoni mużikali, kif ukoll xogħlijiet relatati mas-saħħa u s-sigurtà fil-kmamar tan-nar u restawr ta’ armar artistiku.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li l-festa Maltija tibqa’ pilastru importanti tal-identità kulturali tal-pajjiż u sostna li dawn il-fondi huma investiment dirett fil-komunitajiet u fil-voluntiera li jaħdmu biex dawn it-tradizzjonijiet jibqgħu ħajjin.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Arts Council Malta Luke Dalli saħaq li l-festa Maltija hija espressjoni kulturali mibnija fuq il-volontarjat, il-ħila u d-dedikazzjoni, filwaqt li enfasizza l-importanza li dawn l-għaqdiet ikomplu jingħataw sostenn biex jippreservaw u jiżviluppaw il-wirt artistiku tagħhom.
Id-Direttur tal-Fondi fi ħdan l-Arts Council Malta, Rita Falzon, spjegat li l-iskema qed tagħti lill-għaqdiet opportunità biex jinvestu b’mod aktar sostenibbli fil-ħidma tagħhom, filwaqt li jkomplu jtejbu l-kwalità tal-attivitajiet u l-proġetti kulturali fil-komunitajiet.
Tħabbar ukoll li fit-tieni nofs tas-sena se tinfetaħ sejħa oħra tal-iskema sabiex aktar għaqdiet volontarji jkunu jistgħu japplikaw għall-finanzjament.
Aktar dettalji dwar l-Iskema għall-Wirt Artistiku jistgħu jinkisbu minn Arts Council Malta.













