Ftehim kollettiv ġdid għall-impjegati ta’ Heritage Malta b’kundizzjonijiet aħjar u investiment fil-benesseri tagħhom
L-impjegati ta’ Heritage Malta se jibbenefikaw minn ftehim kollettiv ġdid li jġib miegħu titjib sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, b’enfasi fuq il-benesseri, il-flessibbiltà u l-iżvilupp professjonali tal-ħaddiema.
Il-ftehim il-ġdid, li jkopri l-perjodu bejn Jannar 2026 u Diċembru 2030, jinkludi żidiet fil-pagi, allowances ġodda u miżuri li jgħinu biex jinżamm bilanċ aħjar bejn il-ħajja personali u x-xogħol. Fosthom hemm żieda medja ta’ 6.5% fil-paga bażika għall-gradi kollha, flimkien ma’ bonuses u allowances marbuta mal-prestazzjoni, kwalifiki edukattivi u xogħol speċjalizzat.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, qal li dan il-ftehim juri l-impenn tal-Gvern lejn il-ħaddiema u lejn il-qasam kulturali, filwaqt li enfasizza r-rwol importanti tal-impjegati ta’ Heritage Malta fil-protezzjoni u l-promozzjoni tal-wirt storiku u kulturali Malti.
Iċ-Chairman ta’ Heritage Malta, Mario Cutajar, sostna li l-ftehim isaħħaħ il-pakkett finanzjarju u l-flessibbiltà għall-ħaddiema, filwaqt li jinvesti fl-iżvilupp professjonali tagħhom sabiex l-aġenzija tibqa’ tħares ’il quddiem.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, qal li l-akbar saħħa tal-aġenzija huma l-ħaddiema tagħha u li dan il-ftehim huwa investiment dirett fil-futur tagħhom u fil-missjoni kulturali tal-entità.
Il-ftehim jintroduċi wkoll arranġamenti aktar flessibbli fuq il-post tax-xogħol, fosthom sistemi ġodda ta’ shifts, flexi-week ta’ erbat ijiem jew sitt ijiem, estensjoni tal-ħinijiet flessibbli u aktar opportunitajiet ta’ xogħol remot fejn possibbli. Barra minn hekk, se jkun hemm aktar appoġġ għat-taħriġ u l-iżvilupp professjonali permezz ta’ sponsorships u inizjattivi ta’ Continuing Professional Development (CPD).
Il-ftehim ġie ffirmat minn rappreżentanti ta’ Heritage Malta u tal-General Workers’ Union (GWU), fil-preżenza ta’ uffiċjali għolja tal-Gvern u tal-entitajiet involuti.











