Tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Knisja f’Malta permezz ta’ diversi proġetti ta’ tisbiħ u restawr li qed isiru f’lokalitajiet differenti madwar il-pajjiż. Dawn l-interventi għandhom l-għan li jtejbu l-infrastruttura u joħolqu spazji aktar moderni u aċċessibbli għall-komunitajiet Maltin.
Fost il-proġetti li tlestew hemm l-inawgurazzjoni taċ-Ċentru Parrokkjali taż-Żurrieq, fejn sar xogħol estensiv fuq il-faċċata tal-binja permezz ta’ irħam ġdid, restawr tal-bieb oriġinali, tisbiħ tal-bibien u t-twieqi, kif ukoll xogħlijiet interni moderni fosthom madum ġdid, żebgħa, gypsum u sistema ta’ ventilazzjoni ġdida. Sar ukoll pavimentar ġdid fil-bankina ta’ quddiem biex l-aċċess ikun aktar sigur u sabiħ.
Komplew ukoll xogħlijiet oħra ta’ manutenzjoni u restawr fuq diversi knejjes, inkluż waterproofing fuq il-bjut tal-knejjes tal-Qrendi u Birżebbuġa, kif ukoll interventi fuq il-bibien prinċipali tal-knejjes tal-Imqabba u Ħad-Dingli.
Fl-aħħar ġimgħat ġew iffirmati wkoll diversi ftehimiet ġodda. Fosthom hemm proġett għall-installazzjoni ta’ sistema moderna tad-dawl fil-Kappella ta’ Santa Katarina fl-Imqabba, b’enfasi fuq effiċjenza fl-użu tal-enerġija.
F’Ħal Kirkop, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi se jwettaq xogħol ta’ rikostruzzjoni, estensjoni u tisbiħ tad-Domus Curialis sabiex il-binja tkun tista’ tintuża aħjar mill-għaqdiet u r-residenti tal-lokalità. Ix-xogħol se jinkludi estensjoni strutturali, finishes ġodda u servizzi moderni biex il-potenzjal tal-ispazju jiġi massimizzat għall-ġid tal-komunità.
Fl-istess lokalità, jinsab ukoll fil-fażi li jmiss il-proġett fuq iz-zuntier tal-knisja wara li ġew approvati l-permessi u tlestew id-disinji preparatorji.
Intant fiż-Żurrieq, ġie ffirmat ftehim ieħor biex isir xogħol ta’ rikostruzzjoni tal-ħajt ta’ quddiem taċ-Ċimiterju ta’ San Leo f’Bubaqra. Il-proġett se jinkludi twaqqigħ u bini mill-ġdid tal-ħajt bil-ġebla tal-franka, flimkien ma’ railings u bieb ġdid tal-azzar adattati għall-ambjent storiku taċ-ċimiterju.
Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia sostna li dawn il-proġetti juru l-impenn kontinwu biex il-Gvern ikompli jgħin lill-għaqdiet volontarji u lill-Knisja sabiex jinħolqu spazji aħjar u aktar sbieħ għall-komunitajiet Maltin.
Ritratti: MTIP_PS/DOI










