Ġiet inawgurata uffiċjalment il-pjazza prinċipali ta’ Ħal Tarxien wara proġett estensiv ta’ tisbiħ u modernizzazzjoni li ta ħajja ġdida lill-qalba tal-lokalità. Dan il-proġett, imwettaq mill-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, kellu l-għan li joħloq spazju aktar sabiħ, sigur u aċċessibbli għar-residenti u għal dawk kollha li jżuru r-raħal.
Ix-xogħol kien jinkludi pavimentar ġdid madwar il-pjazza, b’emblema ta’ Ħal Tarxien fiċ-ċentru tagħha, kif ukoll tibdil u modernizzazzjoni tas-servizzi taħt l-art biex iż-żona tkun aktar sostenibbli u preparata għall-futur. Id-disinn tal-pjazza u l-materjal li ntuża ġew magħżula b’attenzjoni sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-lokalità, anke fid-dawl tal-fatt li minn din iż-żona jgħaddi s-servizz tat-trasport pubbliku ta’ Tallinja.
Il-proġett beda wara l-festa tad-Duttrina tas-sena li għaddiet u tlesta fil-ħin biex il-pjazza tingħata lura lill-komunità qabel il-festa tal-Lunzjata ta’ din is-sena. Filwaqt li l-pjazza issa hija miftuħa għall-pubbliku, għaddejjin ukoll l-aħħar irtokki fuq xi toroq fil-madwar.
Matul iż-żjara tiegħu, il-Ministru Chris Bonett ħabbar ukoll ftehim ġdid bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Arċidjoċesi ta’ Malta sabiex tiġi installata sistema moderna ta’ dawl fuq il-faċċata, il-koppla u l-ġnub tal-knisja parrokkjali ta’ Ħal Tarxien. Dan il-proġett se jkompli jsebbaħ il-pjazza u jenfasizza l-valur arkitettoniku tal-knisja li tiddomina ċ-ċentru tar-raħal.
Il-Ministru Bonett sostna li investimenti bħal dawn isaħħu l-ħajja komunitarja għax joħolqu spazji fejn in-nies jistgħu jiltaqgħu, iqattgħu ħin flimkien u jgawdu ambjent modern u ta’ kwalità. Huwa semma wkoll kif dan il-proġett huwa parti minn sensiela ta’ inizjattivi oħra madwar il-pajjiż, fosthom Vjal Kulħadd, il-Pjazza ta’ Buġibba u l-Ġnien tal-Fajtata, li kollha għandhom l-għan li jagħtu aktar spazji pubbliċi miftuħa u moderni lill-komunitajiet Maltin.
Ritratti: MTIP












