Ġie ffirmat ftehim bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Kunsill Lokali tal-Imqabba biex biċċa art fl-Imqabba tibda tintuża għal skopijiet komunitarji u kulturali, b’benefiċċju dirett għar-residenti u għall-għaqdiet tal-lokal.
Is-sit, li jinsab fi Triq Ġorġ Martin u jkopri madwar 2,000 metru kwadru, se jkun qed jintuża bħala parkeġġ għall-komunità, sabiex jitjiebu l-faċilitajiet fil-lokalità u tittaffa l-problema tal-parkeġġ.
Fl-istess waqt, żewġ partijiet mill-istess art se jingħataw lis-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju u lis-Soċjetà Mużikali Santa Marija Banda Re Ġorġ V sabiex ikunu jistgħu joħolqu spazji għall-ħażna tal-armar u l-materjal li jintuża waqt il-festi tant popolari tal-Imqabba.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li dan il-proġett se jkun ta’ benefiċċju kemm għar-residenti kif ukoll għal dawk kollha li jattendu l-attivitajiet u l-festi tal-lokal. Huwa spjega li permezz ta’ din l-inizjattiva se jinħolqu spazji ġodda ta’ parkeġġ u faċilitajiet aħjar għaż-żewġ soċjetajiet mużikali, filwaqt li jkompli jissaħħaħ is-sens ta’ komunità u titjieb il-kwalità tal-ħajja.
Min-naħa tagħha, is-Sindku tal-Imqabba Grace Marie Zerafa qalet li dan huwa pass importanti għall-lokalità, hekk kif il-kunsill lokali flimkien mal-għaqdiet tal-festa se jkunu qed igawdu minn spazju li jista’ jservi lill-komunità kollha. Hija sostniet li l-għan tal-kunsill hu li jkompli jsaħħaħ il-festa Maltija filwaqt li joffri servizzi aħjar lir-residenti, inkluż aktar parkeġġ.
Għall-iffirmar tal-ftehim kienu preżenti wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet Robert Vella, kif ukoll Carlo Sciberras u Joseph Zammit bħala presidenti tal-għaqdiet rispettivi.







