Il-Kunsill Malti għall-Arti kompla jsaħħaħ ir-rabtiet kulturali tiegħu fuq livell Ewropew wara li Daniel Azzopardi, Direttur tal-Istrateġija fi ħdan il-Kunsill, ġie elett fil-Bord tan-Netwerk Ewropew taċ-Ċentri Kulturali (ENCC) waqt l-Assemblea Ġenerali li saret f’Lisbona.
Din il-ħatra tkompli tibni fuq is-sħubija tal-Kunsill fin-netwerk Ewropew li jiġbor fih aktar minn 200 organizzazzjoni soċjokulturali minn diversi pajjiżi Ewropej. Dan l-iżvilupp jirrifletti l-ħidma kontinwa tal-Kunsill Malti għall-Arti biex isaħħaħ il-kooperazzjoni kulturali internazzjonali, id-djalogu strateġiku u l-kollaborazzjoni ma’ istituzzjonijiet kulturali Ewropej u internazzjonali.
Permezz ta’ din il-parteċipazzjoni, Malta se tkompli tissaħħaħ fil-konverżazzjonijiet kulturali internazzjonali, filwaqt li jinħolqu aktar opportunitajiet għal artisti, kreattivi, organizzazzjonijiet kulturali u komunitajiet Maltin biex jieħdu sehem f’inizjattivi konġunti, skambji ta’ għarfien, programmi ta’ mobbiltà u qsim ta’ prattiki tajbin ma’ sħab barranin.
Il-ħatra ta’ Daniel Azzopardi fil-Bord tal-ENCC tkompli ssaħħaħ ukoll il-viżjoni tal-Kunsill Malti għall-Arti li jara l-kultura bħala mezz importanti għall-iżvilupp tal-komunità, il-parteċipazzjoni attiva, l-innovazzjoni u l-kollaborazzjoni sostenibbli bejn il-pajjiżi, filwaqt li tkompli tgħolli l-profil kulturali ta’ Malta fuq livell internazzjonali.










