Tlesta l-proġett ta’ restawr fuq it-Torri Vendome, magħruf ukoll bħala t-Torri ta’ Qrajten jew Craite, f’Marsaxlokk, b’żjara fuq il-post mill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici.
Dan it-torri storiku huwa wieħed minn erba’ torrijiet mibnija bejn l-1715 u l-1716 mill-Prijur ta’ Franza Philippe de Vendome, bil-għan li tissaħħaħ id-difiża tal-kosta Maltija.
Il-Ministru Bonnici qal li dan il-proġett huwa parti mill-ħidma biex il-wirt storiku u kulturali ta’ Malta jibqa’ ħaj u aċċessibbli għall-pubbliku. Huwa sostna li strutturi bħal dawn mhumiex biss monumenti arkitettoniċi, iżda wkoll xhieda tal-istorja u tal-identità tal-poplu Malti u Għawdxi. Żied jgħid li r-restawr tagħhom jgħin biex jinħolqu spazji edukattivi u kulturali għall-familji u l-viżitaturi, filwaqt li jkompli jinvesti fil-kultura u fil-futur tal-pajjiż.
Is-Sindku ta’ Marsaxlokk Steven Grech qal li t-tlestija ta’ dan ir-restawr hija mument importanti għall-lokalità u għall-wirt nazzjonali. Huwa enfasizza li t-torri għandu valur storiku u marittimu kbir għal Marsaxlokk, u għalhekk kien importanti li jiġi konservat għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, waħda mill-kantunieri tat-torri ġarrbet ħsarat kbar u kienet restawrata permezz ta’ fondi għall-ħsarat tal-gwerra. It-torri għandu struttura kwadra b’ħitan inklinati u diversi aperturi difensivi minn fejn is-suldati kienu jisparaw fuq l-għadu. Fuq nett hemm bejt li minnu kienu jinżammu l-għassiesa u jsiru l-attakki difensivi. Maż-żmien, il-foss li kien idawwar it-torri ġie mgħotti u ntilfet ukoll id-drawbridge oriġinali.
Ix-xogħlijiet ta’ restawr inkludew tindif estensiv tal-faċċati, tneħħija ta’ interventi mhux adattati, tiswija u tibdil ta’ ġebel bil-ħsara, xogħol ta’ tikħil tradizzjonali bil-ġir, restawr ta’ partijiet tal-bejt u rikostruzzjoni ta’ elementi neqsin jew deterjorati. L-intervent sar taħt superviżjoni professjonali u b’dokumentazzjoni dettaljata, bħala parti mill-impenn kontinwu tal-Gvern għall-protezzjoni tal-wirt kulturali Malti.












