Il-Forti Bengħisa fetaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku waqt attività speċjali organizzata minn Heritage Malta, fejn ġew iffirmati wkoll ftehimiet ġodda mal-Assoċjazzjoni tal-Iscouts u mal-Għaqda Storja Birżebbuġa biex jitwaqqaf qafas ta’ kollaborazzjoni fit-tmexxija, il-konservazzjoni u l-użu komunitarju tas-sit storiku.
Dawn il-ftehimiet jimmarkaw pass importanti fil-viżjoni ta’ Heritage Malta biex il-forti jingħata ħajja ġdida u jinbidel gradwalment fi spazju kulturali u edukattiv aktar miftuħ għall-komunità. Fl-istess ħin għaddejjin ukoll taħditiet sabiex jintlaħaq ftehim ieħor mal-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li din il-kollaborazzjoni se tgħin biex il-forti ma jibqax biss sit storiku ppreservat, iżda jsir ukoll spazju ħaj għall-edukazzjoni, il-kultura u l-involviment tal-komunità. Huwa rringrazzja wkoll lill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa għall-appoġġ tiegħu fil-proġett.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Noel Zammit sostna li wara li l-forti għadda taħt ir-responsabbiltà ta’ Heritage Malta, issa beda l-proċess biex jitfassal pjan ta’ tmexxija mibni fuq il-parteċipazzjoni tal-komunità. Qal li permezz tal-għajnuna tal-organizzazzjonijiet involuti, il-forti jista’ jsir spazju fejn in-nies mhux biss jitgħallmu dwar l-istorja, iżda jesperjenzawha direttament.
Permezz tal-ftehimiet, l-Assoċjazzjoni tal-Iscouts se tkun tista’ tuża ċerti spazji fil-forti għal attivitajiet u ikkampjar, filwaqt li tgħin ukoll fil-manutenzjoni tas-sit permezz tal-preżenza regolari tagħha. Min-naħa tagħha, l-Għaqda Storja Birżebbuġa se tikkontribwixxi fir-riċerka storika, fl-interpretazzjoni tal-forti u f’inizjattivi kulturali li jqarrbu aktar is-sit lejn il-pubbliku.
Il-pjan fit-tul huwa li l-Forti Bengħisa jiġi żviluppat bħala spazju storiku b’diversi funzjonijiet, aċċessibbli għall-pubbliku u adattat ukoll għal rikreazzjoni fil-beraħ u attivitajiet edukattivi, filwaqt li jinżamm il-ħarsien tal-patrimonju storiku tiegħu.
Matul il-ftuħ speċjali tas-Sibt, dawk li attendew setgħu jaraw ukoll filmati artistiċi li taw stampa ta’ kif mistenni jidher il-proġett meta jitlesta.
Il-Forti Bengħisa nbena bejn l-1900 u l-1902 u huwa meqjus bħala l-aħħar fortifikazzjoni fl-istil Vittorjan mibnija f’Malta, kif ukoll l-akbar waħda minn dan it-tip fil-gżejjer Maltin, b’erja ta’ madwar 45,000 metru kwadru. Tul is-snin serva għal diversi skopijiet militari u jirrifletti l-iżvilupp tad-difiża kostali Maltija matul is-seklu għoxrin.












