Ġie inawgurat Ġnien Misraħ il-Karmelitani fiż-Żurrieq, spazju miftuħ ġdid ta’ madwar 1,150 metru kwadru li qabel kien żona miksija bit-tarmak u li issa nbidel f’post aktar aċċessibbli u rikreattiv għall-komunità. L-inawgurazzjoni saret mill-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli flimkien ma’ Project Green u s-Sindku taż-Żurrieq Rita Grima.
Il-proġett inkluda l-iskavar ta’ ġibjun għall-ġbir tal-ilma tax-xita sabiex dan jintuża għat-tisqija tas-siġar u l-arbuxelli indiġeni li tħawlu fil-ġnien. Ġiet installata wkoll sistema ta’ dawl solari flimkien ma’ bankijiet u faċilitajiet oħra biex jinħoloq spazju rilassanti u adattat għall-familji u r-residenti.
Waħda mill-aktar attrazzjonijiet distintivi tal-ġnien hija luzzu Malti tal-mibki Gianni Tonna, li ġie restawrat u mogħti lill-Kunsill Lokali bħala tifkira tiegħu. Din l-inizjattiva kienet ikkoordinata mis-Sindku flimkien ma’ Joseph Farrugia, li għen fit-trasport u t-tħejjija tal-luzzu.
B’kollox tħawlu 40 siġra matura u aktar minn 1,600 arbuxxell, biex il-post jingħata aktar karattru naturali u ambjent aktar sostenibbli.
Il-Ministru Miriam Dalli sostniet li dan il-proġett huwa eżempju ta’ kif żoni urbani jistgħu jinbidlu fi spazji miftuħa ta’ kwalità li joffru ambjent aktar sigur u pjaċevoli għar-residenti. Hija enfasizzat ukoll l-importanza ta’ investiment f’infrastruttura ħadra permezz ta’ sistemi sostenibbli bħall-ġbir tal-ilma tax-xita u d-dawl solari.
Il-Perit tal-proġett, Daniel Tabone, spjega li l-ġnien ġie mfassal biex joffri użi differenti, fosthom spazju apposta għal sessjonijiet ta’ yoga u attivitajiet oħra relatati mal-eżerċizzju u stil ta’ ħajja aktar b’saħħtu.
Għall-inawgurazzjoni attendew ukoll membri tal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq u l-familjari ta’ Gianni Tonna. Dan il-proġett huwa wieħed minn 16-il inizjattiva mħabbra minn Project Green permezz tal-iskema Community Greening Grant.












