B’investiment ta’ madwar €3 miljun mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, tlestew ix-xogħlijiet ewlenin f’Wied iż-Żurrieq, il-Qrendi, sabiex iż-żona tkun imqabbda man-network nazzjonali tad-drenaġġ għall-ewwel darba fl-istorja tagħha.
Sa issa, ir-residenti u n-negozji fiż-żona kienu jiddependu fuq fosos privati għas-servizzi tad-drenaġġ, sistema li matul is-snin ġabet magħha diversi sfidi ambjentali u ta’ saħħa pubblika. Permezz ta’ dan il-proġett, issa qed jiġi offrut servizz aktar modern, sostenibbli u effiċjenti.
Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma Karl Cilia u membri tal-Kunsill Lokali tal-Qrendi, fosthom is-Sindku David Schembri, raw mill-qrib ix-xogħlijiet li twettqu matul dawn l-aħħar xhur.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li dan il-proġett huwa pass importanti lejn infrastruttura aktar moderna u sostenibbli, filwaqt li jgħin biex jitħarsu l-wied, il-baħar u l-ilma tal-pjan. Hija spjegat li għal ħafna snin il-komunità ta’ Wied iż-Żurrieq kienet tiddependi fuq sistema antika ta’ fosos, iżda issa ż-żona għandha konnessjoni diretta man-network nazzjonali tad-drenaġġ.
Fost ix-xogħlijiet li saru kien hemm il-bini u l-ikkummissjonar ta’ pumping station ġdida, it-tqegħid ta’ 1.6 kilometru cable tad-dawl, it-tiġdid ta’ kilometru main tal-ilma tax-xorb, kif ukoll l-installazzjoni ta’ diversi sistemi ġodda tad-drenaġġ. Sar ukoll xogħol estensiv ta’ asfaltar fiż-żona affettwata mill-proġett.
Il-Kap Eżekuttiv Karl Cilia spjega li dan il-proġett jagħmel parti minn pjan nazzjonali ta’ investiment ta’ €377 miljun biex jissaħħu s-servizzi tal-ilma u tad-drenaġġ madwar Malta u Għawdex, bil-għan li jitwasslu servizzi aktar affidabbli u sostenibbli lill-komunitajiet kollha.
Ix-xogħlijiet saru f’koordinazzjoni mal-Kunsill Lokali, mar-residenti u man-negozji biex l-inkonvenjent jitnaqqas kemm jista’ jkun matul il-proċess kollu.












