L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Dr Anġlu Farrugia, nieda l-pubblikazzjoni Sette Giugno: Il-Leħen tal-Poplu waqt attività fil-Parlament ta’ Malta li segwiet iċ-ċerimonja kommemorattiva quddiem il-monument tas-Sette Giugno fil-Belt Valletta.
Fl-indirizz tiegħu, Dr Farrugia enfasizza li s-Sette Giugno għandu jibqa’ mfakkar bħala wieħed mill-aktar mumenti sinifikanti fl-istorja nazzjonali, li jfakkar fil-kuraġġ u d-determinazzjoni tal-poplu Malti fit-tfittxija tiegħu għall-ġustizzja, id-dinjità u rappreżentanza aktar ġusta.
Il-pubblikazzjoni tiġbor flimkien id-diskorsi kommemorattivi li saru bejn l-2013 u l-2025 u toffri ħarsa lejn kif il-Parlament Malti kompla jżomm ħajja l-memorja ta’ dan l-avveniment storiku. Fiha tingħata ġieħ lill-erba’ vittmi tas-Sette Giugno: Carmelo Abela, Giuseppe Bajada, Manwel Attard u Wenzu Dyer, kif ukoll lill-poplu Malti kollu li għamel sagrifiċċji biex leħnu jinstema’.
L-Ispeaker sostna li l-Parlament għandu rwol importanti mhux biss fit-tfassil tal-liġijiet, iżda wkoll fil-preservazzjoni tal-memorja storika u fit-trażmissjoni tal-valuri demokratiċi lill-ġenerazzjonijiet futuri.
Huwa temm billi sostna li din il-pubblikazzjoni hija tifkira li d-demokrazija Maltija nbniet fuq is-sagrifiċċji u l-ħidma tal-poplu, u li l-vuċi taċ-ċittadini għandha tibqa’ dejjem fil-qalba tal-ħajja demokratika tal-pajjiż.
Ritratti: SPK












