Madwar 800 persuna ħadu sehem fit-tieni edizzjoni ta’ The 10km L-Istrina Palace Run, li saret il-Ħadd filgħodu b’risq il-Malta Community Chest Fund. Din is-sena l-avveniment għaqqad żewġ binjiet simboliċi tal-pajjiż, il-Palazz ta’ Sant’Anton u l-Palazz Presidenzjali fil-Belt Valletta.
Il-ġirja attirat parteċipanti ta’ kull età, minn tfal sa anzjani, inklużi atleti stabbiliti u persuni li jipprattikaw il-ġiri bħala passatemp. L-ewwel atleti li qasmu l-linja finali temmew id-distanza ta’ 10 kilometri f’ħin impressjonanti ta’ ftit aktar minn 25 minuta.
Fi tmiem l-attività, kull parteċipant ingħata midalja ta’ tifkira, filwaqt li l-ewwel tliet klassifikati f’kull kategorija rċevew premju speċjali mingħand il-President ta’ Malta, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, li kien jinkludi xbieha tal-Palazz Presidenzjali tal-Belt Valletta.
Fl-indirizz tagħha, il-President irringrazzjat lil dawk kollha li pparteċipaw u enfasizzat l-importanza tal-kontribut tagħhom lejn il-ħidma tal-Malta Community Chest Fund. Hija spjegat li d-donazzjonijiet miġbura permezz ta’ inizjattivi bħal dawn jgħinu b’mod dirett lil pazjenti u lill-familji tagħhom fi żminijiet diffiċli.
Il-President fakkret ukoll li t-talbiet għall-għajnuna qed jibqgħu jiżdiedu minn sena għall-oħra, filwaqt li l-appoġġ mogħti mill-Fond ma jkunx biss finanzjarju, iżda jinkludi wkoll għajnuna soċjali u psikoloġika għal persuni li jkunu qed jiffaċċjaw mard jew kundizzjonijiet mediċi serji.
L-avveniment, li tnieda għall-ewwel darba fl-2025 fuq inizjattiva tal-Maġġur Richard Vassallo, ġie organizzat minn Joe Micallef u t-tim tal-Malta Marathon, bl-għajnuna ta’ numru kbir ta’ voluntiera. Għas-suċċess tal-ġurnata kkontribwew ukoll diversi entitajiet tal-forzi dixxiplinari, fosthom il-Korp tal-Pulizija, il-Forzi Armati ta’ Malta, LESA u Transport Malta, kif ukoll diversi sponsors u entitajiet kummerċjali.
Ritratt: OPR












