Għad-disa’ sena konsekuttiva, l-Aġenzija Żgħażagħ organizzat il-Malta Youth Film Festival, inizjattiva li tkompli toffri spazju importanti fejn żgħażagħ bejn is-16 u t-30 sena jistgħu jesprimu t-talenti tagħhom permezz tal-film u l-arti viżiva. Din is-sena ġew sottomessi 14-il produzzjoni, li kollha wrew il-kreattività, il-ħsieb u l-esperjenzi differenti taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.
Il-festival ma jservix biss bħala kompetizzjoni ċinematografika, iżda bħala pjattaforma li tinkoraġġixxi l-espressjoni artistika, il-parteċipazzjoni kulturali u l-kondiviżjoni ta’ stejjer li jirriflettu r-realtajiet u l-isfidi tas-soċjetà tal-lum. Permezz tal-films tagħhom, iż-żgħażagħ kellhom l-opportunità jesprimu l-opinjonijiet, il-ħsibijiet u l-esperjenzi tagħhom b’mod kreattiv u oriġinali.
L-inizjattiva hija wkoll marbuta mal-prinċipji tal-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ 2030, li tagħti importanza lill-parteċipazzjoni attiva, l-inklużjoni, id-diversità u l-iżvilupp personali taż-żgħażagħ. Matul l-attività ġiet enfasizzata l-ħtieġa li jinħolqu aktar spazji siguri fejn iż-żgħażagħ iħossuhom apprezzati u mħeġġa jesprimu ruħhom liberament.
Il-Ministru għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Manifest Elettorali, Omar Farrugia, faħħar il-livell għoli tat-talent muri mill-parteċipanti u sostna li dawn il-premjijiet għandhom ikomplu jservu ta’ motivazzjoni biex aktar żgħażagħ jinvolvu ruħhom fis-settur kreattiv fis-snin li ġejjin.
Min-naħa tagħha, il-Manager tal-Youth Empowerment Unit, Maria C. Borg, spjegat li l-festival huwa riżultat ta’ kollaborazzjoni bejn l-Aġenzija Żgħażagħ u l-Malta Film Foundation, u li matul dawn l-aħħar disa’ snin sar punt ta’ riferiment għal bosta żgħażagħ li jixtiequ jesploraw il-potenzjal tagħhom fil-qasam tal-film.
Fi tmiem il-festival ġew onorati l-parteċipanti kollha għall-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom. Il-films ippreżentati spikkaw għall-oriġinalità, il-kwalità u l-messaġġi tagħhom. L-ogħla unur tas-serata, il-premju għall-Aqwa Film, intrebaħ minn Evelyn Magro bil-produzzjoni tagħha “Il-Bikja u l-Prestazzjoni”, li ġiet magħżula bħala l-aqwa xogħol ta’ din l-edizzjoni tal-Malta Youth Film Festival.











