Fl-ewwel impenn uffiċjali tiegħu bħala Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Glenn Bedingfield għażel li jżur waħda mir-residenzi tal-Caritas li toffri programmi ta’ riabilitazzjoni għal persuni li jkunu qed jiskontaw l-aħħar parti tas-sentenza tagħhom filwaqt li jaffaċċjaw sfidi marbuta mad-dipendenza fuq id-droga.
Matul iż-żjara, il-Ministru ltaqa’ mal-membri tal-amministrazzjoni, professjonisti u residenti li qed isegwu dawn il-programmi, fejn seta’ jisma’ mill-qrib l-esperjenzi tagħhom u japprezza l-ħidma li ssir kuljum biex persuni jingħataw opportunità ġdida fil-ħajja.
Bedingfield saħaq li s-sigurtà tal-komunità ma tiddependix biss fuq l-infurzar tal-liġi, iżda wkoll fuq investiment serju fil-prevenzjoni, ir-riabilitazzjoni u r-reintegrazzjoni fis-soċjetà. Huwa sostna li soċjetà aktar ġusta tinbena permezz ta’ azzjonijiet konkreti li jagħtu lin-nies it-tieni ċans li jistħoqqilhom.
Il-Ministru enfasizza wkoll l-importanza tal-kollaborazzjoni bejn il-Gvern u organizzazzjonijiet bħall-Caritas, filwaqt li rrimarka li sfidi kumplessi bħal dawn jeħtieġu ħidma koordinata u impenn komuni minn diversi entitajiet.
Huwa spjega li programmi effettivi ta’ riabilitazzjoni mhux biss jgħinu biex jonqos ir-riskju ta’ reati futuri, iżda wkoll joħolqu opportunitajiet biex persuni jintegraw ruħhom mill-ġdid fis-soċjetà u jagħtu kontribut pożittiv lill-komunità.
Matul il-laqgħat tiegħu, il-Ministru kellu l-opportunità jitkellem mas-sitt residenti li bħalissa qed jgħixu fid-dar, li qasmu miegħu l-esperjenzi personali tagħhom u l-isfidi li qed jaffaċċjaw fil-mixja tagħhom lejn ħajja aħjar.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt laqa’ b’sodisfazzjon iż-żjara tal-Ministru, filwaqt li rrimarka kemm kien importanti li l-ewwel żjara uffiċjali tiegħu saret proprju f’dan il-kuntest. Huwa apprezza l-fatt li l-Ministru ta widen lill-esperjenzi tar-residenti u wera impenn ċar favur il-proċess tar-riabilitazzjoni u r-reintegrazzjoni.
Bedingfield irringrazzja wkoll lill-professjonisti, terapisti, uffiċjali korrettivi, ħaddiema soċjali u voluntiera li jaħdmu b’dedikazzjoni f’dan il-qasam, u sostna li għalkemm ħafna minn din il-ħidma ssir ’il bogħod mill-attenzjoni pubblika, hija essenzjali biex jinħolqu stejjer ta’ bidla u suċċess.
Fi tmiem iż-żjara, il-Ministru tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti fis-servizzi ta’ riabilitazzjoni u reintegrazzjoni, filwaqt li jsaħħaħ il-kollaborazzjoni mal-Caritas u ma’ organizzazzjonijiet oħra sabiex aktar persuni jkollhom l-opportunità jibnu futur aħjar għalihom u għall-familji tagħhom.
Ritratt: MHS








