L-Isla se tkun il-palk ta’ attività kulturali speċjali nhar is-27 ta’ Ġunju, bejn is-7:30 u l-11:00 ta’ filgħaxija, hekk kif ir-Reġjun Port, flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Isla, il-Fgura Scouts u d-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem, se jorganizzaw l-attività “Ħġejjeġ” bħala parti mill-programm tar-Reġjun Kulturali 2026.
Din l-inizjattiva se tagħti ħajja ġdida lil tradizzjoni antika marbuta mal-ħġejjeġ, filwaqt li se toffri lill-pubbliku mixja kulturali minn diversi siti storiċi tal-lokalità. Matul ir-rotta se jkun hemm tmien postijiet differenti b’wirjiet mużikali minn artisti lokali, b’kull sit immarkat b’ħuġġieġa tradizzjonali. Mappa interattiva se tkun disponibbli biex tiggwida lill-viżitaturi tul il-perkors.
Il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli, qalet li proġetti bħal dawn juru kif il-kultura u l-wirt storiku jistgħu jingħaqdu mal-komunità permezz ta’ inizjattivi kreattivi u kollaborattivi. Hija sostniet li l-attività mhux biss tgħin biex tinżamm ħajja tradizzjoni lokali, iżda toħloq ukoll opportunità biex familji, residenti u viżitaturi jesperjenzaw il-wirt kulturali tal-Isla b’mod interattiv.
L-avveniment se jintemm fil-Forti San Mikiel, fejn se tinxtegħel l-aħħar ħuġġieġa u jintwera dokumentarju qasir dwar l-istorja u s-sinifikat tat-tradizzjoni tal-Ħġejjeġ fl-Isla u fir-Reġjun tal-Port.
Is-Sindku tal-Isla, Clive Pulis, spjega li se jkun hemm servizz ta’ ferrovija turistika bla ħlas li se tgħaqqad il-postijiet kollha tal-attività, filwaqt li tagħti tagħrif dwar il-passat storiku tal-belt. Barra minn hekk, se jiġu organizzati diversi workshops relatati mal-ikel tradizzjonali, il-mużika u l-istejjer lokali, li għalihom hija meħtieġa reġistrazzjoni minn qabel.
Id-Direttur Artistiku Joseph Galea enfasizza li inizjattivi bħal dawn jgħinu biex il-kultura tkun aktar aċċessibbli u qrib in-nies, filwaqt li jkomplu jsaħħu l-apprezzament lejn il-lokalitajiet u l-identità tagħhom.
Il-pubbliku huwa mħeġġeġ jattendi għal din l-esperjenza kulturali li tgħaqqad l-istorja, it-tradizzjoni u l-komunità fil-qalba tal-Isla.
Ritratti: MLGP










