Nhar is-Sibt 1 ta’ Awwissu se terġa’ tittella’ waħda mill-aktar attivitajiet prestiġjużi ta’ ġbir ta’ fondi f’Malta, The Ball of the August Moon, b’risq The Malta Community Chest Fund, fil-Kastell Verdala.
Matul konferenza tal-aħbarijiet li ħabbret id-dettalji tal-attività, ġie spjegat kif is-serata se tibqa’ fidila għat-tradizzjoni tagħha, b’ikel u xorb ta’ kwalità għolja, flimkien ma’ programm varjat ta’ divertiment. Dawk li se jattendu se jkollhom l-opportunità jgawdu mużika mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta, segwita minn repertorju aktar kontemporanju u żfin li jibqa’ għaddej sa tard filgħaxija.
Il-President ta’ Malta, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, iddeskriviet dan il-Ballu bħala wieħed mill-aktar avvenimenti importanti ta’ ġbir ta’ fondi għall-Malta Community Chest Fund, li permezz tiegħu l-Fondazzjoni tkun tista’ tkompli twettaq il-missjoni tagħha ta’ għajnuna lil dawk fil-bżonn. Hija appellat lill-pubbliku biex jappoġġja din l-edizzjoni sabiex tkun suċċess ieħor.
Iċ-Chairman tal-Kumitat Organizzattiv, il-Markeżin Daniel de Petri Testaferrata, fakkar li dan l-avveniment ilu jiġi organizzat sa mill-1958 u li matul is-snin bena reputazzjoni bbażata fuq livell għoli ta’ kwalità u esperjenza memorabbli għal dawk kollha li jattendu.
Min-naħa tagħha, iċ-Chairperson tal-Malta Community Chest Fund, Sina Bugeja, enfasizzat il-ħidma kontinwa tal-Fondazzjoni favur persuni li jkunu għaddejjin minn sfidi serji ta’ saħħa u l-familji tagħhom. Hija spjegat li l-għajnuna mogħtija ma tkunx biss finanzjarja, iżda wkoll psikoloġika u soċjali, u appellat għal parteċipazzjoni qawwija sabiex jinġabru l-fondi meħtieġa għal din il-ħidma.
Waqt il-konferenza ssemmiet ukoll is-sorpriża artistika tas-sena li għaddiet, meta grupp ta’ żeffiena reġa’ ta l-ħajja lill-leġġenda tal-Blue Lady tal-Kastell Verdala permezz ta’ wirja ta’ żfin. Għalissa, l-organizzaturi qed iżommu sigriet dwar x’jista’ jkun hemm ippjanat għal din is-sena.
L-avveniment qed isir bl-appoġġ ta’ numru ta’ sponsors u entitajiet, filwaqt li l-Uffiċċju tal-President irringrazzja wkoll lill-fotografu Daniel Cilia, li se jkun qed jaqbad is-sbuħija tal-Kastell Verdala f’booklet kommemorattiv li jitqassam lill-mistednin.
Apprezzament speċjali ngħata wkoll lill-Korp tal-Pulizija u lill-Forzi Armati ta’ Malta għall-assistenza tagħhom fis-sigurtà u l-immaniġġjar tat-traffiku matul dan l-avveniment tant mistenni.








