ie ffirmat ftehim kollettiv bejn il-General Workers’ Union (GWU) u l-Malta Delivery Fleet Operators Association (MDFOA), li qed jitqies bħala pass importanti lejn titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-food couriers f’Malta u Għawdex.
L-iffirmar sar fil-preżenza tal-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard, il-Ministru għall-Mobbiltà Sostenibbli Chris Bonett, u l-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti.
Il-ftehim jistabbilixxi qafas ċar ta’ drittijiet u obbligi li għandu jwassal għal aktar protezzjoni għall-ħaddiema u aktar stabbiltà għall-operaturi tas-settur. Barra minn hekk, isaħħaħ ir-rwol tat-trade union fir-rappreżentanza tal-ħaddiema u jinkoraġġixxi djalogu soċjali aktar effettiv bejn il-partijiet involuti.
Fost il-miżuri ewlenin li qed jiġu introdotti hemm rata bażika ogħla mill-paga minima nazzjonali, arranġamenti aktar ċari dwar is-sigħat tax-xogħol u s-sahra, kif ukoll titjib fid-drittijiet relatati mas-sick leave, vacation leave, bonuses statutorji u standards ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
Il-Ministri preżenti saħqu li dan il-ftehim mhux biss itejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, iżda jgħin ukoll biex jinħoloq ambjent aktar ġust u kompetittiv għall-operaturi kollha fis-settur. Huma sostnew li l-ftehim jista’ jservi bħala mudell għal inizjattivi simili f’industriji oħra.
Il-President tal-MDFOA, Iousef Meli, qal li l-ftehim ipoġġi lill-ħaddiema fiċ-ċentru tal-prijoritajiet tas-settur u esprima r-rieda tal-assoċjazzjoni li tkompli taħdem mill-qrib mal-unions, il-Gvern u l-entitajiet rilevanti.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Abela ddeskriva l-ftehim bħala riżultat ta’ xhur twal ta’ negozjati u sostna li fl-aħħar qed jingħata rikonoxximent xieraq lil ħaddiema li għal ħafna żmien baqgħu barra mill-attenzjoni pubblika.
Dan il-ftehim jirrifletti impenn komuni biex jitjiebu l-istandards tax-xogħol fis-settur tal-food delivery, filwaqt li jkompli jsaħħaħ is-sostenibbiltà u l-professjonalità ta’ industrija li qed tkompli tikber fl-ekonomija Maltija.











