Il-proġett tat-tieni interconnector tal-elettriku bejn Malta u Sqallija laħaq stadju importanti ieħor wara li tlestiet il-manifattura u l-ittestjar tal-cable ta’ taħt il-baħar li se jgħaqqad iż-żewġ pajjiżi. Dan l-iżvilupp jimmarka pass sinifikanti lejn il-fażi tal-installazzjoni tal-infrastruttura, li hija meqjusa bħala waħda mill-aktar investimenti strateġiċi fis-settur tal-enerġija f’Malta.
Il-cable ta’ vultaġġ għoli, li għandu tul ta’ 103 kilometri, ġie mmanifatturat fil-faċilità ta’ Nexans f’Charleston fl-Istati Uniti wara proċess ta’ produzzjoni li dam għaddej għal madwar sena. Matul dan il-perjodu saru diversi xogħlijiet tekniċi speċjalizzati, li bdew bil-produzzjoni tal-fibre optic fin-Norveġja u komplew bil-manifattura tal-komponenti tar-ram, l-insulazzjoni u s-saffi ta’ protezzjoni meħtieġa.
Wara li nġabru flimkien it-tliet fażijiet tal-cable, ġie applikat saff tal-azzar biex jipprovdi s-saħħa u l-protezzjoni mekkaniċi meħtieġa għall-operat tiegħu taħt il-baħar. Il-cable ġie mmanifatturat f’diversi sezzjonijiet li mbagħad ingħaqdu biex jiffurmaw iż-żewġ tulijiet prinċipali tiegħu, b’waħda minnhom tinkludi wkoll cable ta’ riżerva li se jinżamm Malta għal każijiet ta’ emerġenza jew tiswijiet futuri.
Qabel ma ngħata l-approvazzjoni finali, il-cable għadda minn programm estensiv ta’ testijiet sabiex jiġu ċċertifikati l-kwalità, il-prestazzjoni u l-affidabbiltà tiegħu. Wara li dawn l-eżamijiet intemmu b’suċċess, il-cable tqiegħed fuq carousel speċjali u issa jinsab lest biex jitgħabba fuq bastiment li aktar tard din is-sena se jwettaq l-installazzjoni tiegħu taħt il-baħar.
Il-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli, qalet li dan il-progress huwa pass ieħor lejn it-twettiq ta’ proġett li se jsaħħaħ il-konnessjoni ta’ Malta man-netwerk Ewropew tal-elettriku. Hija spjegat li l-interconnector il-ġdid se jżid ir-reżiljenza tas-sistema energetika tal-pajjiż, jiffaċilita aktar integrazzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u jappoġġja l-għanijiet nazzjonali relatati mad-dekarbonizzazzjoni.
Fil-fażi li jmiss, il-cable se jitgħabba fuq in-Nexans Electra, bastiment modern mibni apposta għal dan it-tip ta’ xogħol. Dan il-vapur se jkun responsabbli għat-tqegħid tal-cable tul ir-rotta marittima bejn Malta u Sqallija.
Dan il-pass kien possibbli wkoll wara li tlestew b’suċċess ix-xogħlijiet ta’ preparazzjoni u tindif tal-qiegħ tal-baħar tul il-kuritur magħżul għall-installazzjoni. Dawn l-interventi żguraw li r-rotta tkun ħielsa minn ostakli u sigura għat-tqegħid tal-cable.
Min-naħa tiegħu, il-Maniġer tat-Taqsima tad-Disinn u l-Awtomatizzazzjoni ta’ InterConnect Malta, Dott. Inġ. Joseph Vassallo, sostna li t-tlestija tal-manifattura u l-ittestjar tal-cable, flimkien mat-tlestija tal-preparamenti marittimi, huma riżultat ta’ koordinazzjoni mill-qrib bejn diversi msieħba internazzjonali. Huwa qal li dawn l-iżviluppi qed iressqu lill-pajjiż aktar viċin il-kompletament ta’ infrastruttura kruċjali għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku f’Malta.
It-tieni interconnector huwa meqjus bħala proġett ta’ importanza strateġika għall-pajjiż u kiseb finanzjament Ewropew sostanzjali ta’ €261 miljun taħt il-Programm Ewropew 2021–2027.
Ritratti: MEER










