Malta kompliet tikseb rikonoxximent internazzjonali għall-ħidma tagħha fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, b’mod partikolari fejn jidħlu l-isfidi marbuta mat-tibdil fil-klima. Dan ħareġ waqt seminar internazzjonali li sar f’Palermo, fejn il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard ippreżenta l-esperjenza Maltija bħala mudell ta’ prattika tajba.
Matul l-intervent tiegħu, il-Ministru Attard spjega kif Malta kienet fost l-ewwel pajjiżi li indirizzaw l-effetti tat-tibdil fil-klima mill-perspettiva tal-ħaddiema, billi introduċiet qafas komprensiv ta’ miżuri biex tissaħħaħ il-protezzjoni tagħhom fuq il-post tax-xogħol.
Huwa spjega li Malta mhux biss daħħlet liġi ġdida dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol wara aktar minn għoxrin sena, iżda introduċiet ukoll strumenti amministrattivi relatati mal-istress mis-sħana u kundizzjonijiet meteoroloġiċi estremi, flimkien ma’ kampanji ta’ għarfien, taħriġ mingħajr ħlas u infurzar aktar effettiv.
Il-Ministru qal li l-approċċ Malti huwa bbażat fuq taħlita ta’ riċerka xjentifika, konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, leġiżlazzjoni moderna u miżuri prattiċi li jindirizzaw ir-riskji emerġenti marbuta mat-tibdil fil-klima.
Attenzjoni partikolari ngħatat lis-settur tal-kostruzzjoni, fejn il-ħaddiema huma aktar esposti għal temperaturi għoljin u kundizzjonijiet diffiċli. Ġew spjegati l-miżuri introdotti fl-2025 li jinkludu provvista adegwata ta’ ilma għax-xorb, żoni fid-dell, protezzjoni mix-xemx u spazji ta’ mistrieħ, kif ukoll arranġamenti speċjali waqt perjodi ta’ sħana estrema.
Barra minn hekk, ġie spjegat ukoll strument amministrattiv ġdid li daħal fis-seħħ din is-sena biex jirregola s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema waqt maltempati u kundizzjonijiet meteoroloġiċi severi. Fost il-miżuri hemm is-sospensjoni ta’ xogħol fuq barra, fuq soqfa u fuq scaffolding meta jinħarġu twissijiet ta’ maltemp qawwi.
Il-Ministru Attard irrimarka wkoll li Malta qed tagħti importanza dejjem akbar lill-benesseri psikoloġiku tal-ħaddiema, filwaqt li qed tirrikonoxxi l-effetti li s-sħana u kundizzjonijiet estremi jistgħu jkollhom fuq il-konċentrazzjoni, it-teħid tad-deċiżjonijiet u s-saħħa mentali.
Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, Dr Josianne Cutajar, qalet li l-parteċipazzjoni ta’ Malta f’dan is-seminar kompliet issaħħaħ ir-reputazzjoni tal-pajjiż bħala wieħed li jindirizza dawn l-isfidi b’miżuri konkreti u preventivi.
Iċ-Chairman tal-Bord tal-OHSA, Pierre Fava, sostna li l-preżentazzjoni tal-Ministru Attard turi biċ-ċar kif Malta tinsab fuq quddiem nett fil-qasam tal-adattament għat-tibdil fil-klima relatat mas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
Għas-seminar attendew ukoll l-Assistent Segretarju tat-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi Gorg Zahra u r-rappreżentant tal-Konfederazzjoni għas-Saħħa u s-Sigurtà For.U.M Anthony Casaru.











