Eluf ta’ persuni attendew għall-attivitajiet tal-Imnarja 2026 fil-Buskett, f’ċelebrazzjoni li għal darb’oħra għaqqdet lill-familji Maltin u Għawdxin madwar il-wirt agrikolu u kulturali ta’ pajjiżna.
Matul diversi jiem, il-pubbliku seta’ jgawdi minn programm mimli attivitajiet li kien jinkludi wirjiet ta’ annimali, esebizzjonijiet ta’ makkinarju agrikolu, vetrini ta’ frott u ħxejjex, kompetizzjonijiet agrikoli, kif ukoll il-parata tradizzjonali tal-karrozzini u l-karrettuni. Ma naqsux ukoll il-logħob tradizzjonali Malti, il-għana, iż-żfin folkloristiku u diversi attivitajiet oħra li taw atmosfera unika lill-inħawi tal-Buskett.
L-akbar attendenza ġiet irreġistrata fit-28 u d-29 ta’ Ġunju, meta l-familji setgħu japprezzaw mill-qrib il-ħidma tal-bdiewa, ir-raħħala u l-produtturi lokali, filwaqt li gawdew minn waħda mill-aktar tradizzjonijiet popolari u antiki fil-kalendarju Malti.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel Anton Refalo qal li l-attendenza numeruża turi kemm il-poplu Malti u Għawdxi għadu japprezza u jgħożż il-wirt agrikolu u rurali tiegħu. Huwa sostna li l-Imnarja tibqa’ tradizzjoni ħajja li tgħaqqad il-komunitajiet u fl-istess ħin tagħti l-ġieħ mistħoqq lil dawk li jaħdmu fis-settur agrikolu.
Refalo rringrazzja lill-entitajiet kollha involuti, lill-voluntiera, lill-esebituri, lill-bdiewa, lir-raħħala u lill-produtturi li taw is-sehem tagħhom biex l-edizzjoni ta’ din is-sena tkun waħda ta’ suċċess.
Min-naħa tagħha, id-Direttur għas-Servizzi ta’ Sapport fil-ministeru, Estelle Sant, qalet li l-parteċipazzjoni qawwija tal-familji turi kemm dawn l-attivitajiet għadhom relevanti biex iqarrbu lill-ġenerazzjonijiet iż-żgħar lejn il-biedja, il-produzzjoni lokali tal-ikel u t-tradizzjonijiet Maltin.
L-edizzjoni tal-Imnarja 2026 għal darb’oħra kkonfermat il-valur tagħha bħala ċelebrazzjoni tal-identità, tal-kultura u tal-wirt agrikolu Malti, filwaqt li saħħet ir-rabta bejn il-pubbliku u dawk li kuljum jaħdmu biex iwasslu prodotti lokali ta’ kwalità fuq il-mejda tal-familji Maltin.
Ritratt: MAFF








