Tlettax-il persuna ċċelebraw kisba importanti f’ħajjithom wara li temmew b’suċċess programm ta’ riabilitazzjoni offrut mill-Aġenzija Sedqa, programm li matul diversi xhur jgħin lil persuni jegħlbu l-problemi ta’ dipendenza u jibdew kapitlu ġdid f’ħajjithom.
Matul ċerimonja annwali organizzata mis-Sedqa, ġew onorati wkoll diversi entitajiet u individwi li bil-ħidma tagħhom qed jagħtu sehemhom biex tinbena soċjetà aktar b’saħħitha u ħielsa mill-vizzji.
L-attività saret fil-preżenza tal-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, u l-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja, Michael Falzon.
Fl-indirizz tagħha, il-President faħħret il-kuraġġ u d-determinazzjoni ta’ dawk li temmew il-programm, filwaqt li ddeskriviet il-gradwazzjoni tagħhom bħala bidu ta’ fażi ġdida mimlija tama u opportunitajiet. Hija enfasizzat ukoll il-ħidma kontinwa tas-Sedqa fil-qasam tal-prevenzjoni u l-appoġġ lil persuni li qed jiffaċċjaw sfidi marbuta mad-dipendenza. Il-President appellat biex fis-soċjetà jonqos il-preġudizzju lejn dawn il-persuni, filwaqt li sostniet li min ikun għaddej minn dawn id-diffikultajiet għandu bżonn għajnuna u sostenn aktar milli ġudizzju.
Waqt iċ-ċerimonja tqassmu wkoll tifkiriet kommemorattivi maħduma mir-residenti tal-Komunità Santa Marija. Dawn is-souvenirs kienu jissimbolizzaw valuri bħar-responsabbiltà, l-empatija u r-rispett lejn l-oħrajn. Is-serata kienet immarkata wkoll minn testimonjanzi emozzjonanti ta’ persuni li rnexxielhom jerġgħu jibnu ħajjithom u llum qed jgħixu ħajja aktar stabbli u ħielsa mid-dipendenza.
Il-Ministru Michael Falzon tkellem dwar l-isfidi li d-dipendenza ġġib magħha kemm għall-individwi kif ukoll għall-familji tagħhom. Huwa enfasizza l-impenn tal-gvern li jkompli jinvesti kemm fil-programmi ta’ riabilitazzjoni kif ukoll fir-riżorsi umani meħtieġa biex tingħata għajnuna professjonali lil min ikun fil-bżonn. Huwa ħeġġeġ lil dawk li qed jaffaċċjaw problemi ta’ dipendenza biex ifittxu l-għajnuna kmieni, qabel ma s-sitwazzjoni tkompli tiggrava.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS), Alfred Grixti, qal li matul l-2025 is-Sedqa assistiet aktar minn 2,000 persuna. Żied li sa nofs Ġunju ta’ din is-sena diġà ngħatat għajnuna lil 1,832 persuna oħra. Huwa semma wkoll il-ħidma estensiva fil-qasam tal-prevenzjoni, fejn matul l-2025 saru aktar minn 4,100 programm edukattiv u preventiv li laħqu aktar minn 27,000 persuna. Din is-sena, sa issa, diġà saru aktar minn 1,300 sessjoni li minnhom ibbenefikaw aktar minn 9,000 persuna.
Iċ-ċerimonja serviet bħala ċelebrazzjoni tal-irkupru, tal-kuraġġ u tal-opportunitajiet ġodda għal dawk li għażlu triq differenti lejn futur aħjar.












